L-Għaqda Maltija tal-Piroteknika (MPA) nediet pjattaforma ġdida ta’ e-learning ibbażata fuq il-prinċipji STEM biex timmarka l-bidu tal-istaġun tal-festi f’Malta u Għawdex.
L-inizjattiva toffri sensiela ta’ 16-il lezzjoni li jesploraw aspetti differenti tal-arti piroteknika, fosthom il-pirokimika, il-fiżika, it-teknoloġija diġitali, ir-responsabbiltà ambjentali u s-saħħa u s-sigurtà.
Il-proġett, li ġie ffinanzjat parzjalment mill-National STEM Community Fund, huwa miftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Parteċipanti jistgħu jsegwu l-lezzjonijiet online, iwettqu assignments u jieħdu sehem f’diskussjonijiet relatati mas-suġġett.
Il-kors huwa maqsum fi tliet taqsimiet differenti u dawk li jlestu b’suċċess ir-rekwiżiti kollha se jingħataw ċertifikat.
L-MPA qalet li wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proġett huwa li tħeġġeġ il-kurżità xjentifika u l-ħsieb kritiku fost il-parteċipanti.
L-għaqda spjegat ukoll li l-kors għandu l-għan li jnaqqas id-distakk bejn il-komunità piroteknika u persuni li jista’ jkollhom riservi jew tħassib dwar l-użu tal-logħob tan-nar.
Skont l-MPA, l-edukazzjoni tista’ tgħin biex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-manifattura u l-wiri tal-logħob tan-nar, filwaqt li fl-istess ħin tippromwovi l-valur artistiku, soċjali u kulturali ta’ tradizzjoni li ilha parti mill-identità Maltija għal ġenerazzjonijiet.
L-għaqda sostniet li l-piroteknika mhijiex biss spettaklu viżiv marbut mal-festi, iżda wkoll qasam li jinvolvi għarfien xjentifiku, innovazzjoni teknoloġika u standards għoljin ta’ sigurtà.
Dawk interessati jistgħu jaċċessaw il-kors permezz tal-pjattaforma online tal-Malta Pyrotechnic Academy.
Hekk kif il-festi tas-sajf reġgħu bdew jimlew il-kalendarju Malti, l-inizjattiva qed tipprova turi li wara kull logħba tan-nar hemm ħafna aktar minn kuluri fis-sema — hemm ukoll doża mhux ħażin ta’ xjenza, matematika u teknoloġija.