Il-Malta International Airport (MIA) kisbet finanzjament estern ta’ €100 miljun sabiex tiffinanzja wieħed mill-akbar proġetti ta’ espansjoni u modernizzazzjoni tal-ajruport sa mill-privatizzazzjoni tiegħu.
Il-proġett se jwassal għal espansjoni tal-faċilitajiet tat-terminal fuq medda ta’ 26,000 metru kwadru sal-2028, inkluż 32 desk ġdid taċ-check-in, ħames departure gates ġodda u crew gate, flimkien ma’ aktar spazju għaċ-ċirkolazzjoni tal-passiġġieri, sorting tal-bagalji u żoni kummerċjali.
L-aħbar tħabbret nhar l-Erbgħa mill-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg waqt il-34 laqgħa ġenerali annwali tal-kumpanija.
Borg spjega li l-istruttura finanzjarja tinkludi self ta’ €50 miljun għal terminu ta’ ħames snin u self ieħor ta’ €50 miljun għal terminu ta’ seba’ snin.
Huwa qal li dan l-investiment se jippermetti lill-kumpanija twettaq proġetti infrastrutturali fuq skala kbira filwaqt li żżomm l-istabbiltà finanzjarja tagħha.
Borg qal ukoll li x-xogħlijiet preparatorji fis-sit mexjin skont il-pjan, inkluż skavar taħt il-livell tat-triq, tibdil fir-routing tas-servizzi ewlenin tal-binja u l-ħolqien ta’ rotot ta’ aċċess sikuri.
Barra minn hekk, ix-xogħlijiet fuq SkyParks 2 qed jimxu b’mod kostanti, bil-lukanda mistennija tingħata fl-aħħar kwart tal-2026.
“L-appoġġ ta’ bank lokali ewlieni jirrifletti fiduċja komuni fil-viżjoni tagħna għall-MIA u r-rwol tagħha fil-futur tal-industrija tat-turiżmu,” qal Borg.
Huwa żied li dan il-finanzjament se jippermetti lill-kumpanija żżomm il-likwidità tagħha sabiex tkompli tlaħħaq mal-obbligi finanzjarji immedjati lejn l-impjegati, is-sħab kummerċjali u l-azzjonisti.
Fi stqarrija separata, il-MIA qalet li permezz ta’ capital expenditure ta’ €61.6 miljun, il-kumpanija reġgħet investiet kważi 40% tad-dħul annwali tagħha fi proġetti mmirati biex isaħħu r-reżiljenza operattiva, jimmodernizzaw l-infrastruttura tal-ajruport u jtejbu l-esperjenza tal-passiġġieri.