Żviluppatur tas-sit fin-Naxxar ordnat iwettaq xogħlijiet ta’ emerġenza wara kollass fil-pedamenti

L-iżviluppatur wara s-sit ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar li wassal għall-evakwazzjoni ta’ diversi familji ġie ordnat iwettaq xogħlijiet ta’ rimedju taħt superviżjoni teknika wara l-falliment ta’ parti mill-pedamenti tal-binja

Ix-xogħlijiet ta’ emerġenza fis-sit ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar bdew wara rakkomandazzjonijiet tekniċi maħruġa minn perit appuntat mill-iżviluppatur
Ix-xogħlijiet ta’ emerġenza fis-sit ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar bdew wara rakkomandazzjonijiet tekniċi maħruġa minn perit appuntat mill-iżviluppatur

L-iżviluppatur wara s-sit ta’ kostruzzjoni f’Naxxar li wassal għall-evakwazzjoni ta’ diversi familji minn djarhom ġie ordnat iwettaq xogħlijiet ta’ rimedju wara l-kollass ta’ parti mill-pedamenti ta’ binja li kienet għadha qed tinbena.

Il-ġimgħa li għaddiet, diversi residenti kellhom jiġu evakwati wara li parti mill-istruttura tal-pedamenti ċediet fis-sit żviluppat minn Anton Camilleri, magħruf bħala “Il-Franċiż”.

Il-gazzetta oħt, MaltaToday kienet żvelat ukoll li residenti fiż-żona kienu ilhom snin iressqu rapporti u lmenti dwar il-proġett qabel ma seħħ il-kollass.

Fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa, il-Building and Construction Authority (BCA) qalet li saret laqgħa mar-residenti affettwati kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ Infrastructure Malta.

L-awtorità spjegat li nhar it-Tlieta bdew xogħlijiet ta’ emerġenza sabiex tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni wara rakkomandazzjonijiet tekniċi tal-perit Alex Torpiano, li ġie appuntat mill-iżviluppatur biex iħejji method statement għax-xogħlijiet il-ġodda.

Il-BCA qalet li imponiet kundizzjonijiet fuq l-iżviluppaturi u l-kuntratturi sabiex iżommu komunikazzjoni kostanti mal-awtorità u jibagħtu evidenza viżiva tal-progress tax-xogħol.

L-iżviluppatur ġie ordnat ukoll biex ix-xogħlijiet il-ġodda jkunu koperti b’polza ta’ assigurazzjoni, filwaqt li l-ispejjeż relatati max-xogħlijiet u spejjeż addizzjonali tal-BCA għandhom jitħallsu mill-iżviluppatur innifsu.

“Intant, l-unità tal-infurzar u l-OHSA qed jimmonitorjaw kontinwament is-sit sabiex josservaw ix-xogħlijiet li qed isiru,” qalet il-BCA.

L-awtorità żiedet li se tibqa’ f’kuntatt kontinwu mar-residenti affettwati.

More in Kronaka