Il-kumpanija Chevron tingħata liċenzja għal studji ta’ esplorazzjoni f’żoni offshore fin-Nofsinhar ta’ Malta

Il-ftehim ma jinvolvix tħaffir, iżda jiffoka fuq analiżi ġeoloġika f’żoni li storikament kienu suġġetti għal tilwim internazzjonali

Il-gvern Malti ta liċenzja ta’ studju ta’ esplorazzjoni lill-kumpanija internazzjonali Chevron għal erba’ żoni offshore fin-Nofsinhar tal-gżejjer Maltin.

Il-ftehim, li jkopri ż-Żoni 1, 4, 5 u 7, ġie ffirmat fl-24 ta’ April u jippermetti lill-kumpanija twettaq studji ġeoloġiċi u ġeofiżiċi bbażati fuq data eżistenti. Il-proġett ma jinkludix attivitajiet ta’ tħaffir.

F’stqarrija, il-viċi president tal-esplorazzjoni ta’ Chevron, Kevin McLachlan, qal li l-kumpanija tinsab sodisfatta li tibda din l-attività ġdida f’Malta, li ddeskriva bħala opportunità importanti fir-reġjun tal-Mediterran.

Huwa żied li l-kumpanija se taħdem mal-awtoritajiet Maltin biex tivvaluta l-potenzjal ta’ riżorsi ta’ idrokarburi f’dawn iż-żoni, filwaqt li enfasizza l-esperjenza u r-riżorsi li għandha fil-qasam tal-enerġija globali.

Chevron diġà għandha preżenza sinifikanti fil-Mediterran, b’operazzjonijiet li jinkludu żewġ fields tal-gass fil-Lvant tal-Mediterran, blokki ta’ esplorazzjoni fil-Greċja u proġetti oħra fiċ-Ċipru u l-Eġittu.

Madankollu, iż-żoni fejn se jsiru dawn l-istudji huma parti minn kontinentali li ilu snin suġġett għal tilwim bejn Malta, il-Libja, it-Tuneżija u l-Italja.

Fl-istorja, fis-snin sebgħin Malta kienet tat liċenzja lil Texaco biex tesplora ż-Żona 4, u fl-1980 beda t-tħaffir. Madankollu, il-Libja kienet ikkontestat dan u saħansitra bagħtet vapur tal-gwerra biex twaqqaf l-operazzjoni, li wassal biex il-kwistjoni tintbagħat quddiem il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

Fl-1985, il-qorti ddeċidiet li tbiddel il-linja ta’ delimitazzjoni favur il-Libja, u b’hekk naqqset iż-żona tal-blata kontinentali ta’ Malta, filwaqt li ħalliet partijiet oħra suġġetti għal pretensjonijiet minn pajjiżi oħra fil-Mediterran.

More in Kronaka