Momentum ikkundanna l-approvazzjoni parlamentari unanima biex jiġi trasferit art pubblika f’Pembroke għall-kampus tal-futbol ta’ Valletta FC.
Momentum iddikjara li kemm il-Partit Laburista kif ukoll il-Partit Nazzjonalista reġgħu aġixxew kontra x-xewqat tar-residenti, minkejja ġimgħat sħaħ jgħidu li qegħdin “jisimgħu lin-nies.”
“Malta jistħoqqilha ppjanar aħjar, viżjoni aħjar, u tmexxija li tpoġġi lin-nies u l-ambjent l-ewwel,” qal il-partit fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa.
Dan wara li ż-żewġ partiti injoraw petizzjoni parlamentari li ġabret aktar minn 2,000 firma ta' residenti li oġġezzjonaw għat-trasferiment.
Il-petizzjoni għamlet enfasi fuq il-fatt li l-proġett se jwassal għat-telf ta’ spazju pubbliku li diġà huwa skars, filwaqt li se jħalli l-impatt fuq il-karattru naturali u rurali taż-żona; li tinsab fil-viċinanzi ta' sit Natura 2000.
Il-petizzjoni esprimiet tħassib ukoll fuq l-effetti negattivi li se jħalli l-proġett fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti minħabba t-traffiku, l-istorbju, u t-tniġġis.
“Din hija eżattament ir-raġuni għalfejn jeżisti Momentum,” ingħad fl-istqarrija. “Sabiex inkunu maċ-ċittadini li jħossuhom injorati u mwarrba f’sistema fejn il-linji bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista kważi jisparixxu.”
Il-fundatur ta’ Momentum, Arnold Cassola, qal li “Huwa diżappuntanti ħafna li l-unika soluzzjoni ppreżentata kienet li tittieħed art ġdida u mhux mibnija,” u nnota li għażliet alternattivi aktar intelliġenti u sostenibbli kienu disponibbli b’mod ċar.
“Is-sit oriġinali ta’ Ħal Farrug seta’ ġie riabilitat u magħmul sigur. Iż-żona tal-power station tal-Marsa li m’għadhiex tintuża, li hija parti mill-viżjoni ta’ riġenerazzjoni tal-Belt Valletta u tkejjel madwar 26,000 metru kwadru, tista’ tiġi trasformata f’ċentru sportiv modern, qrib il-Belt Valletta u konness sew mal-infrastruttura ewlenija,” elabora Cassola.
Momentum irrimarka li ż-żewġ partiti politiċi reġgħu għażlu li jissagrifikaw dak li fadal mill-ambjent naturali ta’ Malta minflok ma jibdlu l-pjanijiet lokali sabiex jinkludu l-medda ta’ art fis-sit Natura 2000.
Il-gvern ħabbar il-proġett fi Frar, meta l-Prim Ministru Robert Abela qal li se titressaq mozzjoni fil-parlament sabiex tingħata medda ta’ art f’Pembroke lil Valletta FC.
Is-sit, li bħalissa huwa magħżul fil-pjan lokali għall-iżvilupp ta’ uffiċċji u residenzi privati, huwa stmat li jiswa bejn €75 miljun u €100 miljun.
L-abbozzi tad-disinji jinkludu grawnd ta’ daqs sħiħ, stadium b’kapaċità li taqbeż l-2,000 spettatur, grawnd ta’ five-a-side, faċilitajiet għall-amministrazzjoni u l-akkademja tal-klabb, u faċilità tal-futsal, l-ewwel waħda tat-tip tagħha f’Malta.
Parti mis-sit se tmur ukoll għand Swieqi United.
Koalizzjoni ta’ organizzazzjonijiet flimkien mar-residenti ta’ Pembroke qajmu wkoll tħassib serju dwar il-pjanijiet ta’ Pembroke, u wissew li l-proġett jista’ jkollu impatti ambjentali u soċjali sinifikanti fuq il-lokalità.
Momentum wiegħed li jkompli jappoġġja l-komunitajiet u jimbotta għal deċiżjonijiet li huma trasparenti, sostenibbli, u tassew fl-interess pubbliku.