L-Ambaxxatriċi tal-Istati Uniti f’Malta Somers Farkas qalet li l-ambaxxata Amerikana kisbet “riżultati konkreti” fl-ewwel 140 jum tagħha fil-pajjiż.
F’stqarrija fuq Facebook, hija sostniet li taħt it-tmexxija tagħha, l-ambaxxata ħadmet biex tavvanza l-istrateġija tas-sigurtà nazzjonali tal-President Donald Trump, filwaqt li enfasizzat diversi inizjattivi li ttieħdu f’dan il-perjodu.
Farkas qalet li ġew imħabbra programmi estiżi ta’ taħriġ konġunt bejn l-awtoritajiet biex jiġġieldu t-traffikar tad-droga, l-evażjoni tas-sanzjonijiet u l-kriminalità organizzata. Hija semmiet ukoll kollaborazzjonijiet ġodda fil-qasam tat-teknoloġiji emerġenti u sistemi awtonomi, bħala parti mill-istrateġija ċibernetika tal-amministrazzjoni Amerikana, flimkien ma’ inizjattivi relatati mal-esplorazzjoni spazjali u d-diplomazija.
Fuq livell ekonomiku, l-ambaxxata qalet li kellha kuntatti ma’ kumpaniji Amerikani fil-qasam tal-gass naturali likwifikat u l-enerġija, kif ukoll ma’ kumpaniji tal-investiment fl-infrastruttura. Saru wkoll diskussjonijiet preliminari ma’ kumpaniji tal-kostruzzjoni dwar proġetti ta’ riġenerazzjoni.
Fost l-inizjattivi msemmija kien hemm ukoll il-ħidma biex jiġi massimizzat il-benefiċċju tat-titjira diretta ġdida bejn Malta u l-Istati Uniti operata minn Delta Air Lines, bil-għan li jiżdied it-turiżmu bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-ambaxxatriċi rrimarkat ukoll attivitajiet ta’ skambju kulturali fl-isport, il-moda u l-arti, kif ukoll il-kontribut ta’ voluntiera tal-ambaxxata lil organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilità u l-ħarsien tal-annimali.
Hija enfasizzat il-Fulbright Programme bħala inizjattiva ewlenija li kompliet issaħħaħ ir-rabtiet kummerċjali, akkademiċi u xjentifiċi bejn Malta u l-Istati Uniti.
Farkas qalet ukoll li l-ambaxxata żammet kuntatt regolari ma’ sħab Maltin dwar kwistjonijiet relatati mal-politika tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li tippromwovi inizjattivi li huma “ġusti u favorevoli”.
Fl-aħħar tal-istqarrija, hija enfasizzat il-valuri tad-demokrazija u l-libertà reliġjuża, filwaqt li kkwotat lil George Washington dwar l-importanza tat-tolleranza.
Hija temmet tgħid li l-ambaxxata se tkompli taħdem biex tikseb riżultati konkreti għall-Istati Uniti permezz ta’ kollaborazzjoni mill-qrib ma’ Malta.