Każijiet ta’ kaċċa illegali fuq speċi protetti żdiedu b’mod allarmanti fl-aħħar ġimgħat hekk kif il-passa tar-rebbiegħa qabdet sew, b’BirdLife Malta twissi dwar nuqqasijiet serji fl-infurzar u nuqqas ta’ azzjoni effettiva mill-awtoritajiet.
Fi stqarrija riċenti, BirdLife Malta esprimiet “tħassib serju” dwar l-andament tas-sitwazzjoni, u qalet li diversi speċi protetti diġà sfaw fil-mira hekk kif waslu fuq il-gżejjer Maltin. L-organizzazzjoni enfasizzat li dawn l-inċidenti qed iseħħu fi sfond ta’ riżorsi limitati fl-infurzar u nuqqas ta’ kordinazzjoni qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Fost il-każijiet imsemmija fl-istqarrija għall-istampa hemm qatgħa ta’ erba’ Grawwiet li dehret f’Delimara fit-2 ta’ April, li minnhom mill-inqas waħda nqatlet wara li nfetħu tiri fuqhom. F’każ ieħor, żewġ Ċikonji Suwed li niżlu bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi sfaw ukoll fil-mira ta’ sparar, b’waħda biss tidher tħalli Malta l-għada.
“Numru ta’ każijiet li nafu bihom”
F’kuntatt ma’ din il-gazzetta, BirdLife Malta tat aktar dettalji dwar inċidenti oħra li seħħew fl-aħħar ġimgħat.
Fost dawn hemm Spanjulett li ntlaqat f’għajnejh wara li sparaw fuqu u niżel f’bitħa fl-Imqabba fl-20 ta’ Marzu, kif ukoll Russett Griż li nqatagħlu l-munqar kollu f’Delimara fis-27 ta’ Marzu.
Fil-bidu ta’ April, ġie rrappurtat ukoll Bagħdan Aħmar imweġġa’ f’Wied is-Sewda, filwaqt li kien hemm rapporti ta’ sparar fuq Astuni Suwed fin-Nadur, Għawdex. Barra minn hekk, Spanjulett ieħor nġabar mill-pulizija mix-Xagħjra fl-4 ta’ April.
BirdLife Malta spjegat li dawn huma biss “il-każijiet li nafu bihom”, u wissiet li x’aktarx hemm aktar inċidenti li ma jiġux irrappurtati.
Żieda wkoll fl-insib illegali
Minbarra l-kaċċa illegali, l-organizzazzjoni rrappurtat ukoll żieda fl-insib illegali, li huwa pprojbit kompletament.
F’każ deskritt bħala xokkanti f’Għawdex, raġel allegatament qabad u għaffeġ Spanjulett b’saqajh wara li dan niżel ħdejn għasafar użati għat-taħrik. Il-każ ġie espost mill-Committee Against Bird Slaughter (CABS).
Matul Marzu biss, BirdLife Malta rrapportat 14-il mansab illegali, li erbgħa minnhom mistennija jispiċċaw il-Qorti. Minn dawn is-siti ġew ikkonfiskati 12-il xibka, 29 għasfur tal-għana u 12-il apparat ta’ għajjat elettroniku.
L-organizzazzjoni żiedet li f’dawn il-jiem intensifikat il-preżenza tagħha fil-kampanja, fejn timijiet ta’ voluntiera qed isibu kuljum użu illegali ta’ għajjat elettroniku, inkluż għal speċiprotetti.
Tħassib dwar l-infurzar qabel l-istaġun tal-kaċċa
Fl-istqarrija għall-istampa tagħha, BirdLife Malta kkritikat ukoll il-livell ta’ preparazzjoni tal-awtoritajiet qabel il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, li se jibda fit-13 ta’ April.
Skont l-organizzazzjoni, l-Environmental Protection Unit (EPU) ilha topera b’riżorsi limitati, b’sitwazzjonijiet fejn skwadra waħda jew tnejn biss kellhom jirrispondu għal diversi rapporti fl-istess ħin. Hija qalet ukoll li t-talbiet tagħha biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet fil-Kumitat Ornis ġew injorati.
BirdLife Malta wissiet li Malta diġà qed taffaċċja proċeduri ta’ ksur tal-liġi tal-Unjoni Ewropea relatati ma’ infurzar inadegwat, u sostniet li s-sitwazzjoni attwali qed toħloq klima ta’ impunità.
Appell għal azzjoni immedjata
L-organizzazzjoni appellat għal azzjoni immedjata biex jissaħħaħ l-infurzar fuq il-post, speċjalment hekk kif il-passa tal-għasafar mistennija tkompli tiżdied fil-ġimgħat li ġejjin.
Fl-istess ħin, esprimiet appoġġ għall-petizzjoni tal-Malta Rangers Unit biex l-EPU jibda jopera wkoll f’Għawdex.
BirdLife Malta qalet li se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni permezz tal-kamp annwali Spring Watch, bl-għajnuna ta’ voluntiera, bil-għan li jiġu dokumentati każijiet ta’ illegalitajiet u li min jikser il-liġi jitressaq quddiem il-ġustizzja.