Il-kungress tal-Partit Laburista ma jfissirx li se ssir elezzjoni ġenerali bikrija, jinsisti Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid lill-ġurnalisti li l-fatt li l-Partit Laburista se jsejjaħ il-kungress tiegħu mhux neċessarjament jindika elezzjoni bikrija fix-xhur li ġejjin, iżda jibqa' lura milli jeskludi l-possibbilita' li tissejjaħ elezzjoni bikrija

Ritratt: James Bianchi (MaltaToday).
Ritratt: James Bianchi (MaltaToday).

Hekk kif il-Partit Laburista qiegħed ilaqqa' il-kungress tiegħu sabiex japprova l-linji gwida tal-manifest elettorali tal-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Prim Ministru Robert Abela insista li dan ma jindikax direttament li se ssir elezzjoni bikrija fis-sajf.

Madankollu, f'kummenti lit-Times of Malta, huwa rrifjuta li jiċħad il-possibbiltà li ssir elezzjoni dalwaqt, u insista li "l-elezzjoni ssir meta, fid-diskrezzjoni u l-ġudizzju tiegħi, l-interess nazzjonali jiddetta li għandha ssir elezzjoni."

Il-Partit Laburista dan l-aħħar ħabbar li se jlaqqa' l-kungress tiegħu l-ġimgħa d-dieħla sabiex japprova l-linji gwida għall-manifest elettorali tiegħu, u dan qajjem spekulazzjoni dwar elezzjoni li ssir għall-ħabta ta' Mejju jew Ġunju.

Meta mistoqsi jekk l-elezzjoni ġenerali hijiex se ssir qabel is-sajf, Abela wieġeb "se jkun hemm elezzjoni bejn issa u Marzu 2027," meta jintemm il-mandat tal-gvern. Abela kompla jgħid li dejjem hemm spekulazzjoni dwar elezzjoni li dejjem tintensifika fl-aħħar sena.

Huwa spjega li skont l-istatut tal-partit, il-kungress jista’ jissejjaħ għal tliet raġunijiet: sabiex jiġi elett il-mexxej tal-partit, qabel elezzjoni ġenerali sabiex jiġu stabbiliti l-linji gwida politiċi tal-partit, jew il-kumitat eżekuttiv jista’ wkoll isejjaħ kungress fuq inizjattiva tiegħu stess.

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Alex Agius Saliba qal li l-partit kien statutorjament obbligat li jorganizza kungress biex jistabbilixxi l-linji gwida għall-manifest sa sena qabel ma ssir elezzjoni. Huwa qal li l-aħħar elezzjoni tista’ ssir fi żmien 11-il xahar.

Abela fakkar li fadal inqas minn sena għall-elezzjoni għall-aktar data tard possibbli ta' elezzjoni ġenerali, u fi kliemu, il-Partit Laburista qiegħed jagħmel biss dak li jeħtieġ li jsir skont l-istatut tiegħu.

F’Malta, il-Prim Ministru jista’ jsejjaħ elezzjoni kull meta jqis xieraq, iżda l-jum tal-votazzjoni jrid jiġi skedat mill-inqas 33 jum wara x-xoljiment tal-parlament.

Il-Partit Laburista m’għandu l-ebda post vakanti għall-mexxej tiegħu u m’hemm l-ebda emerġenza interna li tista’ twassal għall-ħtieġa li jitlaqqa’ kungress, u dan iħalli lil ħafna jemmnu li l-unika raġuni plawżibbli oħra għaliex qiegħed jitlaqqa' dan il-kungress hija minħabba li elezzjoni ġenerali tinsab fil-qrib.

Il-kungress bit-tema ''MaltaAqwa'' se jitlaqqa' nhar il-Ħadd li ġej fis-sala tal-Lukanda ta' Ċenċ f'Ta' Sannat, Għawdex; fejn huwa skedat li ssir diskussjoni mal-Prim Ministru fl-10:30am.

More in Kronaka