L-Italja torganizza laqgħa ta’ emerġenza dwar tanker tal-LNG li jinsab bejn Malta u Lampedusa

Is-sindku ta’ Lampedusa spjega li t-tanker jinsab madwar 30 mil fil-lvant ta’ Linosa f’ibħra internazzjonali u qiegħed jersaq bilmod lejn Malta minħabba l-kundizzjonijiet tar-riħ

L-Arctic Metagaz, li jtajjar bandiera Russa, wara li ntlaqtet minn dak li l-awtoritajiet Russi qalu li kien drone Ukren waqt li kien qed ibaħħar fil-Mediterran ċentrali
L-Arctic Metagaz, li jtajjar bandiera Russa, wara li ntlaqtet minn dak li l-awtoritajiet Russi qalu li kien drone Ukren waqt li kien qed ibaħħar fil-Mediterran ċentrali

Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni kellha laqgħa biex tindirizza s-sitwazzjoni li tinvolvi t-tanker tal-LNG Arctic Metagaz, li għadu jinsab bejn Malta u Lampedusa. 

Huwa maħsub illi t-tanker qiegħed iġorr madwar 900 tunnellata ta’ fjuwil diesel flimkien ma’ żewġ tankijiet ta’ gass likwifikat.

Skont stqarrija kkwotata mill-midja Taljana, il-bastiment bħalissa jinsab fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta.

L-Italja infurmat lill-gvern ta’ Malta li se tikkoopera fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u li se tassissti fl-isforzi ta’ sorveljanza. Ruma kkonfermat ukoll illi hija lesta li tassisti f’operazzjonijiet ta’ appoġġ jekk tintalab sabiex tagħmel dan.

Il-bastiment, li ntlaqat minn drone marittimu, tħalla b’toqba enormi wara allegat attakk Ukren madwar 150 mil nawtiku fix-Xlokk ta’ Malta. 23 siegħa biss qabel l-attakk, il-bastiment kien jinsab 25 mil nawtiku ’l bogħod minn Malta, fuq Hurd's Bank.

Sal-Ġimgħa filgħodu, il-bastiment kien iċċlaqlaq ftit mili fil-lvant tal-gżira Taljana ta’ Linosa.

Is-sindku ta’ Lampedusa u Linosa spjega li t-tanker jinsab madwar 30 mil fil-lvant ta’ Linosa f’ibħra internazzjonali, u qiegħed jersaq bilmod lejn Malta minħabba l-kundizzjonijiet tar-riħ.

L-organizzazzjoni ambjentali World Wide Fund for Nature (WWF) qalet illi qiegħda issegwi mill-qrib l-iżviluppi u wissiet illi kwalunkwe tixrid mill-merkanzija tal-bastiment jista’ jwassal għal konsegwenzi serji għall-Mediterran.

Il-grupp sostna li r-rilaxx ta’ fjuwil jew gass likwifikat jista’ jqanqal nirien, joħloq sħab ta’ gass estremament kiesaħ, u jikkawża tniġġis fit-tul tal-baħar u l-arja tal-madwar.

More in Kronaka