Il-pulizija Belġjana akkużat b’mod żbaljat lill-MEP Laburista Malti Daniel Attard li rċieva depożiti “suspettużi” miċ-Ċina wara li fixklet l-identita tiegħu ma' dik tas-sindku tal-Għasri li għandu l-istess isem.
L-uffiċċju tal-prosekutur Belġjan ammetta li l-MEP Malti ġie identifikat b’mod żbaljat bħala r-riċevitur tal-flus bħala parti mill-investigazzjoni tagħha dwar il-korruzzjoni li tinvolvi l-ġgant teknoloġiku Ċiniż Huawei.
Il-ġurnal tal-aħbarijiet ibbażat fi Brussell Politico rrapporta li l-prosekutur Belġjan bagħat ittra lill-kumitat tal-affarijiet legali tal-Parlament Ewropew fil-bidu ta’ Marzu fejn ammetta l-iżball.
Skont Politico, fl-ittra, il-prosekutur irrikonoxxa li l-awtorità Belġjana tat-tranżazzjonijiet finanzjarji kienet wettaq “żball” billi “żbalja” l-identità tas-sid tal-kont bankarju.
Il-kont bankarju fil-fatt kien ta’ negozjant u avukat Malti bl-istess isem bħall-MEP Laburista. L-allegazzjoni ta’ trasferimenti ta’ flus suspettużi kienet tifforma parti mid-dossier li l-prosekutur kien bagħat lill-kumitat tal-affarijiet legali, inkarigat li jiddeċiedi jekk ineħħix l-immunità tal-MEP Daniel Attard.
Il-konferma tat-tfixkil fl-identita' mingħand l-awtoritajiet ġiet wara talba mil-leġiżlaturi sabiex il-prosekutur Belġjan jivverifika darbtejn li kien identifika l-persuna t-tajba, skont ir-rapport ta’ Politico.
Id-detentur tal-kont bankarju jiġri li huwa s-sindku Laburista tal-Għasri, Daniel Attard, li l-prattika legali tiegħu tinkludi l-għoti ta’ pariri lil klijenti internazzjonali, inklużi ċittadini Ċiniżi, dwar kwistjonijiet ta’ residenza. Attard huwa kkwotat minn Politico li jgħid li l-attivitajiet tiegħu huma kompletament separati mill-investigazzjoni ta’ Huawei u m’għandhom l-ebda konnessjoni mal-MEP Daniel Attard. Huwa qal ukoll li Huawei qatt ma kienet klijent tiegħu.
Attard huwa negozjant li kien ibigħ passaporti Maltin lil ċittadini Ċiniżi bħala parti mill-'Golden Passport Scheme' li tneħħiet is-sena l-oħra wara li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li kienet illegali.
Sadanittant, waqt li tkellem ma' MaltaToday, il-Membru Parlamentari Ewropew Daniel Attard tenna l-innoċenza tiegħu u appella sabiex il-fatti jiġu vverifikati bir-reqqa qabel ma "r-reputazzjonijiet jitpoġġew f'riskju".
Il-Membru Parlamentari Ewropew Attard qal: "Mill-bidu nett offrejt il-kooperazzjoni sħiħa u t-trasparenza tiegħi mal-awtoritajiet kompetenti u intenni l-innoċenza sħiħa tiegħi f'din il-kwistjoni. Issa jidher li parti mill-investigazzjoni setgħet oriġinat minn identità żbaljata."
Huwa qal li sitwazzjonijiet bħal dawn ġraw, inkluż fi proċedimenti fil-qorti f'Malta. "F'diversi okkażjonijiet ġejt konfuż ma' individwu ieħor li għandu l-istess isem u li huwa wkoll avukat bil-warrant," kompla jgħid.
Iżda l-Membru Parlamentari Ewropew żied jgħid: "Dan jenfasizza l-importanza ta' proċess dovut u li l-fatti jiġu vverifikati bir-reqqa qabel ma r-reputazzjonijiet jitpoġġew f'riskju. Se nkompli nikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament Ewropew u mal-awtoritajiet kompetenti sakemm din il-kwistjoni tiġi konkluża darba għal dejjem, u nittama li issa tipproċedi mingħajr aktar dewmien żejjed."
Il-każ ħareġ fil-beraħ f'Marzu tas-sena l-oħra meta l-uffiċċju tal-prosekutur federali tal-Belġju qal illi l-investigaturi kienu qed jinvestigaw allegazzjonijiet ta' "korruzzjoni attiva fi ħdan il-Parlament Ewropew".
Aktar tard żied jgħid li "l-allegat tixħim jingħad li bbenefika lil Huawei".
L-allegazzjonijiet segwew investigazzjoni li inkludiet it-tapping ta' kaxxa VIP eżekuttiva fl-istadju RSC Anderlecht.
Huawei qalet fi stqarrija preċedenti li "żżomm pożizzjoni ta' tolleranza żero kontra l-korruzzjoni".
Iżda l-każ kien mimli kontroversja mill-bidu nett. Ġimgħat wara li faqqa' l-iskandlu, il-prosekuturi Belġjani talbu sabiex il-parlament ineħħi l-immunità ta' ħames leġiżlaturi, inkluż Attard. Iżda sigħat wara, il-prosekuturi rtiraw it-talba tagħhom sabiex ineħħu l-immunità tal-MEP Taljana Giusi Princi wara li rrealizzaw li ma kinitx għadha eletta bħala leġiżlatur fiż-żmien tal-allegat għemil ħażin.
“Mhux se naċċetta li l-Membri tal-Parlament Ewropew jiġu mmirati u mħammġa mingħajr bażi soda,” qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wara l-inċident.