Tanker tal-LNG, parti mill-flotta klandestina sanzjonata tar-Russja, qabad bin-nar f'ibħra internazzjonali fix-Xlokk ta' Malta wara li allegatament intlaqat minn drone marittimu Ukren. L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta.
Sorsi qrib il-militar Malti qalu li l-Forzi Armati ta' Malta bagħtu ajruplan sabiex idur fuq il-bastiment waqt illi kien qiegħed jaqbad ftit wara li l-inċident ġie kkomunikat fuq kanali tar-radju marittimi. Is-sorsi qalu li l-bastiment kien qiegħed jiġi assistit minn bastiment kummerċjali ieħor u l-ekwipaġġ kollu abbord ġie salvat.
L-inċident huwa mifhum li seħħ madwar 150 mil nawtiku f'ibħra internazzjonali fix-Xlokk ta' Malta. Is-sorsi ssuġġerew li l-inċident seħħ hekk kif il-bastiment kien jinsab fiż-Żona ta' Tiftix u Salvataġġ Libjana. Is-sit elettroniku ta' traċċar tal-ajruplani Flightradar 24 juri li ajruplan tal-għassa marittima militari Ġermaniż li telaq minn Sigonella fi Sqallija kien ilu jdur b'mod intens fuq żona fix-xlokk ta' Malta għal madwar tliet sigħat.
Il-bastiment bil-bandiera Russa kien eżatt barra l-ibħra territorjali Maltin nhar it-Tnejn.
Informazzjoni mxerrda fuq kontijiet ta' Telegram li jissimpatizzaw mal-Ukrajna indikat illi l-bastiment intlaqat minn drone marittimu Ukren.
Ir-Russja ilha topera flotta klandestina ta' tankers taż-żejt u l-gass sabiex tipprova tevita s-sanzjonijiet taż-żejt. Din il-flotta ta' tankers qodma ħafna drabi topera b'transponders mitfija sabiex ikun aktar diffiċli sabiex din tiġi ttraċċata.
Sadanittant, f’post fuq Facebook, il-mexxej tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li f’laqgħa mal-prim ministru u l-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, l-Oppożizzjoni offriet l-assistenza kollha tagħha u talbet li tinżamm aġġornata bl-iżviluppi. “Dan il-mument partikolari jitlob li nogħlew 'il fuq mill-partiġjaniżmu politiku u naħdmu lkoll id f’id,” qal Borg.
Il-mexxej tal-Oppożizzjoni qal ukoll li l-inċident seħħ fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta, minkejja li l-gvern Malti u l-Forzi Armati ta' Malta kkonfermaw li l-inċident seħħ fiż-Żona ta' Tiftix u Salvtaġġ tal-Libja.
‘L-ekwipaġġ kollu nstab qawwi u sħiħ’ – Il-Ministru tal-Intern
Fi stqarrija nhar it-Tlieta filgħaxija, il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal illi malli rċieva l-allert, iċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Malta (RCC) nediet proċeduri ta’ verifika bi sforz sabiex tiġi stabbilita l-pożizzjoni eżatta tal-bastiment.
“Il-vapur instab, u ttieħdu azzjonijiet ta’ koordinazzjoni konformi mal-obbligi internazzjonali ta’ tiftix u salvataġġ, inklużi komunikazzjoni lill-vapuri kollha fl-inħawi u kuntatt mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti,” qal Camilleri. “Waqt l-isforz tat-tfittxija, il-crew kollu instab qawwi u sħiħ f’dgħajsa tas-salvataġġ (lifeboat) fi ħdan iż-żona ta' tiftix u salvataġġ (SRR) Libjana.”
‘Dawk salvati jinsabu fiż-Żona ta' Tiftix u Salvtaġġ Libjan’ – AFM
Fi stqarrija maħruġa mill-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), ntqal illi ġew infurmati dwar sitwazzjoni ta’ periklu 'l barra ż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ Malti li tinvolvi l-bastiment merkantili MT ARCTIC METAGAZ waqt li kien qiegħed isalpa mill-Mediterran ċentrali.
“Malli rċeviet l-allert, iċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni tas-Salvtaġġ Malta (RCC) bdiet proċeduri ta’ verifika u sforzi sabiex tistabbilixxi l-pożizzjoni eżatta tal-bastiment. Il-bastiment instab, u ttieħdu azzjonijiet ta’ koordinazzjoni skont l-obbligi internazzjonali ta’ tiftix u salvataġġ, inklużi xandiriet lill-vapuri u kollaborazzjoni mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti,” tkompla jingħad fl-istqarrija.
“Dawk salvati sussegwentement instabu fiż-Żona ta' Tiftix u Salvatġġ Libjan f’dgħajsa tas-salvataġġ waqt l-isforz ta’ tiftix. L-ekwipaġġ kollu ġie rrappurtat li kien abbord id-dgħajsa tas-salvataġġ mingħajr periklu.