Tiftaħ il-Konvenzjoni Nazzjonali tal-Partit Nazzjonalista b'diskors ta' Alex Borg

Il-Konvenzjoni Nazzjonali tiġi fi tmiemha fil-jum tal-Ħadd, fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg huwa mistenni jniedi l-prijoritajiet tal-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Ritratt: Partit Nazzjonalista
Ritratt: Partit Nazzjonalista

Fil-jum tas-Sibt, il-Partit Nazzjonalista nieda l-konvenzjoni nazzjonali ntitolata ''Malta 'l Quddiem'' li se twassal lill-istess partit sabiex jifformola l-manifest elettorali tiegħu għall-elezzjoni ġenerali li jmiss. Fil-ftuħ tal-konvenzjoni li qiegħda titlaqqa' fid-Dar Ċentrali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex qal lil dawk preżenti li l-partit tiegħu qiegħed jibni ''politika għan-nies man-nies.''

Fid-diskors tiegħu li bih sar il-ftuħ tal-konvenzjoni, Borg qal li ''l-politika tagħmel sens biss meta tibda u tispiċċa man-nies.'' Huwa kompla jgħid lil dawk preżenti li l-konvenzjoni hija ''pont bejn it-tama u t-twettiq tagħha.'' Borg sostna li l-partiti politiċi jistgħu jifhmu l-ħtiġijiet reali tas-soċjeta' Maltija jekk dawn jirnexxielhom jgħaqqdu flimkien individwi, komunitajiet, negozji, għaqdiet volontarji u  trejdunjins. 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li Malta qiegħda taffaċċja sfidi ewlenin bħalma huma l-għoli tal-ħajja, l-edukazzjoni u l-aċċess għal proprjeta' affordabbli. Huwa kompla jgħid li soluzzjonijiet konkreti huma meħtieġa sabiex dawn jiġu indirizzati; soluzzjonijiet li huma bbażati fuq l-esperjanza taċ-ċittadini u mhux fuq djalogu intern ta' partit.

Borg qal illi minkejja li Malta qiegħda taffaċċja dawn l-isfidi, huwa xorta waħda jara li Malta qiegħda taffaċċja wkoll opportunitajiet li jistgħu jintlaħqu jekk ikun hemm mod ta' ħsieb ''kuraġġuż''. 

Huwa semma tliet valuri prinċipali li fi kliemu l-konvenzjoni hija mfassla fuqhom, illi huma r-rispett lejn dawn li juru r-rieda sabiex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, il-kuraġġ li jiġu affaċċjati problemi li ''ilhom jiġu evitati'' u tama realistika. Huwa sostna li l-ambizzjoni tiegħu hija msejsa fuq l-evidenza u mhux fuq l-immaġinazzjoni. 

Il-programm tal-konvenzjoni għal jum tas-Sibt inkluda sitt diskussjonijiet li jittrattaw suġġetti bħalma huma l-kunċett ta' ekonomija ġusta, il-governanza t-tajba, is-servizzi tal-komunita', il-kwalita' tal-ħajja, il-preparazzjoni għall-futur u Għawdex. Borg stieden lil dawk preżenti sabiex huma jieħdu sehem attiv f'dawn id-diskussjonijiet.

Huwa mistenni li l-konvenzjoni se tiġi fi tmiemha fil jum tal-Ħadd b’diskors ieħor ta’ Alex Borg. Huwa maħsub li f'dan id-diskors huwa se jħabbar il-qafas ta’ politika li fuqu se jkun ibbażat il-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

More in Kronaka