Il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li l-gvern għandu nomina ġdida għall-kariga ta' Prim Imħallef

Robert Abela sostna li l-Oppożizzjoni laqgħet in-nomina l-ġdida, iżda huwa kkritika lill-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg talli ‘rabat’ il-ħatra ta' Prim Imħallef mal-elezzjoni ġenerali

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-gvern ippropona kandidat prospettiv ġdid għall-kariga ta’ Prim Imħallef.

F’kummenti lill-ġurnalisti nhar il-Ħamis filgħaxija, Abela qal li l-isem ġie ppreżentat f’laqgħa li saret bejn il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Joe Giglio.

Abela qal li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat kienu qed jimxu ‘l quddiem b’mod pożittiv sakemm il-Kap tal-Oppożizzjoni wissa lill-PM biex ma jipposponix id-deċiżjoni għal Prim Imħallef ġdid sa wara l-elezzjoni li jmiss. Din it-twissija minn Borg saret nhar it-Tlieta waqt sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet li saret mal-ġurnal MaltaToday.

Abela sostna li t-ton użat minn Borg ma kien wieħed ideali fil-kuntest ta' taħditiet għaddejjin li sa din il-ġimgħa kienu pożittivi.

Huwa qal li sat-Tlieta kien hemm “diskussjoni tajba” bejn Attard u Giglio, li matulha l-gvern ippreżenta kandidat prospettiv ġdid għall-ħatra ta' Prim Imħallef sabiex jiġi kkunsidrat mill-Oppożizzjoni.

“Kienet reazzjoni pożittiva,” qal Abela, b’referenza għar-rispons inizjali mill-Oppożizzjoni għan-nominat il-ġdid tal-gvern.

Madankollu, huwa kkritika l-kummenti sussegwenti ta’ Borg, fejn qal li r-rabta tal-ħatra tal-Prim Imħallef mal-elezzjoni ġenerali “ma tawgurax tajjeb għal djalogu kostruttiv, u għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja”.

Abela qal li l-isem propost jirrifletti kemm il-viżjoni tal-Kabinett kif ukoll tiegħu stess għall-amministrazzjoni tal-qrati. Huwa rrifjuta li jiżvela l-identità tan-nominat, u qal li se jistenna d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni.

Meta mistoqsi jekk intlaħaqx skeda ta’ żmien bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni, Abela qal li huwa sta għall-Oppożizzjoni sabiex tiddeċiedi, billi qabel ma jsir dan, il-Parlament ma jkunx jista' jipproċedi 'l quddiem sabiex jinħatar Prim Imħallef ġdid.

Il-Parlament aktar kmieni dan ix-xahar iddiskuta, u vvota kontra, mozzjoni tal-gvern biex tinħatar l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għall-kariga ta' Prim Imħallef.

Hija kienet l-kandidata preferuta tal-gvern għall-kariga, filwaqt li l-kandidata preferuta tal-Partit Nazzjonalista hija l-Imħallef Edwina Grima. Abela minn dakinhar irrifjuta lil Grima, hekk kif sostna li din kienet “l-għażla ta’ Jason Azzopardi u Repubblika”.

Il-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti se jibqa’ fil-kariga sakemm jinstab sostitut, minkejja li laħaq l-età tal-irtirar.

More in Kronaka