Il-mudell ta’ tkabbir ekonomiku attwali ta' Malta qiegħed joqrob lejn il-limiti tiegħu, iwissi l-IMF

L-IMF enfasizza li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi fuq influss kontinwu ta’ ħaddiema barranin sabiex issostni t-tkabbir tal-ekonomija, filwaqt li nnota li l-pajjiż issa għandu densità ta’ popolazzjoni li hija 15-il darba akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea

Il-mudell ta’ tkabbir ekonomiku attwali ta’ Malta jidher li qiegħed joqrob lejn il-limiti tiegħu, innota l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF).

Fir-rapport tiegħu dwar Malta, l-IMF irrikonoxxa t-tkabbir ekonomiku impressjonanti ta’ Malta, iżda nnota li l-mudell ekonomiku attwali ibbażata fuq il-kwantità ta' ħaddiema ''qiegħed jilħaq il-limiti tiegħu minħabba restrizzjonijiet tal-infrastruttura, iż-żieda fid-densità tal-popolazzjoni, u swieq tax-xogħol stretti.'' Għaldaqstant, ir-rapport enfasizza l-ħtieġa għal ''bidla strateġika lejn espansjoni mmexxija mill-produttività.''

Ir-rapport kompla jenfasizza li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi fuq influss kontinwu ta’ ħaddiema barranin sabiex issostni t-tkabbir tal-ekonomija, filwaqt li innota li l-pajjiż issa għandu densità ta’ popolazzjoni li hija 15-il darba akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Tranżizzjoni bħal din, jinnota l-IMF, se teħtieġ li jiġu prijoritizzati l-innovazzjoni, attivitajiet ta’ valur ogħla, u investiment fil-kapital uman sabiex tiġi żgurata kompetittività fit-tul.

Fuq il-front fiskali, l-IMF faħħar lil Malta għat-tnaqqis fid-defiċit, li niżel minn 4.4% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2023 għal madwar 3.2% fl-2025, filwaqt illi l-mira għall-2026 hija li dan ikompli jonqos għal 2.6%.

Filwaqt li d-dejn pubbliku jibqa' sostenibbli u stabbli għal madwar 47% tal-Prodott Gross Domestiku, l-IMF jirrakkomanda t-tneħħija gradwali tas-sussidji tal-enerġija, illi swew madwar 0.8% tal-Prodott Gross Domestiku fl-2025, sabiex jinħoloq spazju għal investimenti kritiċi fl-infrastruttura u għat-tranżizzjoni lejn enerġija ħadra.

L-IMF iddikjara li s-settur finanzjarju ta' Malta għadu reżiljenti, iżda ħeġġeġ kawtela rigward l-espożizzjoni għolja tas-sistema bankarja għas-settur tal-proprjeta'. Self relatat direttament mas-setturi tal-kostruzzjoni u tal-proprjeta' issa jammonta għal 72% tal-portafoll tas-self privat.

L-isfidi strutturali, partikolarment fis-suq tax-xogħol u l-ġudikatura, jibqgħu ostaklu għall-qasam tan-negozju. Bħalissa, 68% ta' min iħaddem fis-settur tas-servizzi jirrapporta nuqqas ta' ħaddiema, ċifra sinifikament ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea li hija ta' 24%. Ir-rapport jirrakkomanda politika ta’ migrazzjoni aktar strateġika u bbażata fuq il-ħiliet u żieda fit-titjib tal-ħiliet domestiċi.

Skont l-IMF, il-prospetti għall-ekonomija jibqgħu pożittivi iżda huma suġġetti għal riskji negattivi li jirriżultaw primarjament minn fatturi esterni. Dan minħabba l-fatt illi t-tensjonijiet ġeopolitiċi u l-kunflitti reġjonali jistgħu jfixklu l-kummerċ u jwasslu għal żidiet ġodda fil-prezzijiet globali tal-enerġija; żidiet illi jkollhom impatt fuq l-ekonomija miftuħa ta’ Malta.

More in Kronaka