Il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet tħassib serju u kkundannat il-fatt li negozji li joperaw minn strutturi illegali xorta jistgħu jikkwalifikaw għal fondi ta’ rikostruzzjoni wara l-ħsarat ikkawżati minn Storm Harry.
Fi stqarrija, il-kamra saħqet li l-liġijiet u r-regolamenti għandhom jiġu rispettati u nfurzati b’mod konsistenti, u appellat għal monitoraġġ aktar strett sabiex jiġi evitat li negozji li jiksru r-regoli jingħataw vantaġġ fuq dawk li joperaw b’mod legali.
L-istqarrija waslet wara li l-Prim Ministru Robert Abela ammetta li l-gvern se jqassam flus lil negozji li għandhom strutturi illegali u li ntlaqtu mill-maltempata.
Il-Kamra tal-Kummerċ wissiet li l-estensjoni ta’ fondi pubbliċi lil negozji li jiksru r-regolamenti tal-ippjanar jew tal-bini iddgħajjef il-prinċipji tal-governanza tajba u tar-regola tad-dritt. Skont il-kamra, il-finanzjament pubbliku għandu jinkoraġġixxi l-konformità mal-liġi, mhux jippremja l-ksur tagħha.
Il-kamra enfasizzat li negozji li joperaw legalment, iħallsu t-taxxi u josservaw l-istandards tal-ippjanar u tas-sigurtà għandhom jiġu rikonoxxuti u protetti. It-trattament ugwali ta’ negozji konformi u oħrajn li mhumiex, qalet, joħloq kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni inġusta u jista’ jinkoraġġixxi aktar nuqqas ta’ rispett lejn ir-regolamenti ambjentali u tal-ippjanar.
Barra minn hekk, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li negozji li jinvestu ħin u riżorsi biex jiksbu l-permessi meħtieġa u jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji qed jispiċċaw fuq l-istess livell ta’ dawk li joperaw b’illegalitajiet, sitwazzjoni li ddeskriviet bħala anomalija.
Għaldaqstant, il-kamra appellat lill-gvern biex jirrevedi l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-fond ta’ rikostruzzjoni wara Storm Harry u eskluda negozji li joperaw bi ksur tal-liġi.