Bis-sajf jistenniena wara l-bieb, ara x'għandek tagħmel għaż-żamma tat-temperaturi tal-ikel

Minkejja li t-temp ma tantx jagħtik x'jifhem li ġej is-sajf, dalwaqt nibdew nonfħu bis-sħana u din tista' ġġib perikli kbar, speċjalment jekk xi ikel jew xarba ma jibqgħux tajbin minħabba li tħallew għal xi ħin fis-sħana

 

 

Issa li dieħel l-istagun tas-Sajf, li jġib miegħu it-temperaturi sħan li nesperjenzaw f’pajjiżna, tiżdied l-importanza li wieħed jieħu ħsieb li l-ikel jinżamm f’temperaturi kkontrollati. Din hija responsabbilità li għandha tinġarr mill-bidu sal-aħħar tal-katina alimentari – mill-produzzjoni tal-ikel sakemm il-prodott jasal għand il-konsumatur u oltrè.

Temperaturi baxxi jnaqqsu r-rata li biha l-mikrobi li jistgħu ikunu fuq l-ikel jimmultiplikaw. Nuqqas t’attenzjoni f’dan ir-rigward, jista jwassal għal konsegwenzi xejn sbieħ ta’ ikel li jmur iktar malajr jew saħansitra avvelenament fl-ikel. Iż-żamma ta’ temperaturi baxxi fl-ikel li jitħassar malajr, bħal-laħmijiet u ġobon jassigura li l-ikel jibqa tajjeb għal konsum sad-data tad-durabbilita`. Ikel fil-friġġ għandu jinżamm f’temperaturi ta’ bejn 0⁰Ċ u 5⁰Ċ. Ikel iffriżat għandu jinżamm f’temperatura ta’ -18⁰Ċ.

Tajjeb li meta mmorru nixtru ikel li jirrikjedi temperaturi baxxi, nieħdu magħna kontenituri jew basktijiet li jippermettu li tinżamm dik it-temperatura sakemm naslu d-dar. Ikel li jirrikjedi tali temperaturi, m’għandux jitħalla għal ħin twil fil-karozza jew f’postijiet sħan, minkejja li jkun f’basktijiet apposta. Tajjeb ukoll li nħallu tali prodotti għall-aħħar tax-xirja. L-ikel għandu jitpoġġa fil-friġġ jew friża l-ewwel ħaġa kif naslu lura d-dar.

Fid-dar, ikel li jkun tneħħa mill-friża bil-għan li jissajjar, għandu jinżamm fil-friġġ sakemm dan jittowja. Qatt m’għandu jitħalla ikel jittowja barra mill-friġġ. Ikel li jkun ġie ittowjat, m’għandux jerġa jitpoġġa fil-friża – għalhekk important li wieħed jippjana sewwa l-ammonti ta’ ikel li jinħareġ mill-friża, sabiex ukoll titnaqqas il-ħela. Dejjem niftakru li laħmijiet li jitpoġġew fil-friġġ biex jittowjaw, għandhom dejjem jitpoġġew ġo reċipjent fond u fl-ixkaffa t’ isfel nett, sabiex jitnaqqas ir-riskju li xi likwidu li joħroġ mill-laħam jaqa` fuq, u jikkontamina ikel ieħor maħżun fil-friġġ.

Ikel li jkun fadal (leftovers) għandu jitpoġġa fil-friġġ malajr kemm jista jkun. Dan għandu jiġi kkunsmat fi ftit ġranet u wieħed għandu jassigura li meta dan jerġa jissaħħan, it-temperatura fin-nofs tal-ikel titla sa 75⁰Ċ għal ftit minuti. Ikel m’għandux jissaħħan iktar minn darba.

Nota: Dan l-artiklu ġie ppreparat mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Jum Dinji tas-Sigurta` fl-Ikel. Dan il-jum huwa organizzat kull sena mill-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa fis-7 ta’ Ġunju u din is-sena s-suġġett huwa “L-istandards tal-ikel isalvaw il-ħajjiet”. Għal iktar informazzjoni, wieħed għandu jżur il-paġna https://www.who.int/campaigns/world-food-safety-day/2023

More in Kronaka