Bugħaddas li nstab mejjet f'Awwissu jista' jkun intlaqat minn opra tal-baħar; Il-Pulizija titlob għall-informazzjoni

Christian Degabriela kien instab mejjet ġurnata wara li ma ntlemaħx aktar waqt li kien qed jogħdos fl-inħawi tal-Gżejjer ta' San Pawl

Il-Pulizija qed titlob għal informazzjoni wara li minn investigazzjonijiet irriżulta li bugħaddas li nstab mejjet f'Awwissu jista' jkun intlaqat minn opra tal-baħar.

Il-każ seħħ fit-11 ta' Awwissu meta l-Pulizija kien daħlilha rapport li Christian Degabriele ta’ 35 sena residenti Ħal Għaxaq u li kien qed jogħdos bejn ix-Xatt ta’ Buġibba u l-Gżejjer ta’ San Pawl, ma telax lura. 

Minnufih kienet intalbet l-assistenza tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Protezzjoni Ċivili, li bdew tfittxija intensiva, kemm permezz ta’ team ta’ bugħaddasa kif ukoll b’dinghy u ħelikopter.

L-għada, fit-12 ta' Awwissu, il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ kadavru fl-inħawi tal-Gżejjer ta’ San Pawl u ġie kkonfermat li huwa Degabriele.

Fi stqarrija li ħarġet illum, il-Pulizija qalet li qiegħda toħroġ dan l-appell wara li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-bugħaddas jista’ jkun intlaqat minn xi opra tal-baħar.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar dan il-każ, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

More in Kronaka