Il-Pulizija tappella għall-għajnuna tal-pubbliku dwar l-inċident li ħalla lil Marie Claire Lombardi bla ħajja

Il-pulizija tikkonferma li kien materjal li tħalla mal-art - minn żebbuġ li xi ħadd waqqa', li ma nġabarx u li mbagħad tgħaffeġ  - li wassal għall-inċident u l-mewt ta' Lombardi

Il-Pulziia ikkonfermaw - issa uffiċjalment - li Marie Claire Lombardi tilfet il-kontroll tal-mutur f'inċident li swielha ħajjitha, wara materjal li jiżloq li tħalla fit-triq. Fil-fatt jirriżulta skont messaġġi li daru fuq il-midja u anke skont kelliem tal-pulizija illi xi ħadd waqgħalu ammont ta' żebbuġ fit-triq, liema żebbuġ ma nġabarx bir-riżultat li tgħaffeġ u l-art kienet tiżloq.

L-inċident seħħ nhar is-Sibt 22 ta' Ottubru fi Triq l-Imdina u ħalla lill-istilista tax-xagħar ta' 42 sena bla ħajja. Hija mietet ftit biss wara li seħħ dan l-inċident u ftit wara li ngħatat l-għajnuna medika. 

Għalhekk, il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex min għandu xi informazzjoni dwar min seta’ ħalla dan il-materjal, jista’ jgħaddiha lill-Pulizija, anke b’mod kunfidenzjali fuq in-numri tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija 21 224001 / 119 jew fl-eqreb Għassa tal-Pulizija.

More in Kronaka