Bdiewa notifikati biex iħallu Wied Żnuber għal proġett ta' airstrip għall-mudelli tal-ajruplani

'Dan il-proġett juri kemm l-awtoritajiet qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-bdiewa u mill-ambjent' - Moviment Graffitti

Wied Żnuber - Ritratt mehud minn David P. Cilia
Wied Żnuber - Ritratt mehud minn David P. Cilia

Wied Żnuber, li jinsab bejn Birżebbuġa u Ħal Far u hu daqs madwar ħames grawnds tal-futbol, "jinsab mhedded minn proġett ta' airstrip għall-mudelli tal-ajruplani". Il-Moviment Graffitti tisħaq li matul dawn l-aħħar ġimgħat ġew ikkuntattati minn għadd ta' bdiewa li rċevew notifiki biex iħallu l-għelieqi li jaħdmu. Madankollu, s'issa għad m'hemm ebda applikazzjonijiet għall-iżvilupp tas-sit fil-portal tal-Awtorità tal-ippjanar. 

"Għall-kuntrarju tal-impressjoni li qed tingħata mill-istqarrija uffiċjali li ħarġu l-awtortiajiet, dan il-proġett se jkollu impatt enormi fuq medda kbira ta' art għax se jinvolvi radam estensiv tax-xagħri, strippa twila ta' tarmak, bini ta' clubhouse u tniġġis bid-dawl u l-istorbju li se jeqred is-serenità ta' Wied Żnuber," qalet Graffitti. 

Wied Żnuber, li biswit tiegħu huwa Natura 2000 -jiġifieri s-sit huwa ekoloġikament sensittiv-  fih jinsabu annimali protetti, veġetazzjoni importanti u anke siti storiċi. 

Graffitti tkompli tgħid li, "b'segretezza kbira u mingħajr konsultazzjoni ta' ħadd" kienu l-bosta l-persuni u l-organizzazzjonijiet li f'dawn l-aħħar snin pruvaw jitkixxfu dwar dan il-pjan, iżda l-awtoritajiet dejjem ċaħdu kollox. 

Fl-aħħar Graffitti tgħid li dan il-proġett "jixhed arroganza kbira u jkompli juri kemm l-awtoritajiet qed jiġu jaqgħu u jqumu mill-bdiewa u mill-ambjent naturali. Hija ġennata kbira li f'pajjiż fejn kulħadd jinsab allarmat bil-qerda ambjentali u bit-tnaqqis fl-ispazji mifutħa u tal-biedja, jiġu mħabbra proġetti enormli li jkomplu jeqirdu l-ftit li fadlilna." 

 

More in Kronaka