Akkużat joffri li jħallas lill-vittma għall-kura medika waqt li wissih ... 'ikun aħjar għalik jekk iżommni ħabib milli ghadu'

Il-Qorti teżentah mill-curfew li kienet ordnat lill-akkużat għal-lejlet is-sena biss

Wara li tah xeba tajba, u qatta lejl fil-lock up tal-pulizija, żagħżugħ sab lil wieħed mill-vittmi u offrilu li jħallaslu għall-kura medika filwaqt li wissih li jkun aħjar għalih jekk ikunu ħbieb milli għedewwa

Dan intqal minn Spettur tal-Pulizija fil-Qorti, iktar kmieni dalgħodu, fejn kien qed jinstema' l-każ ta' żagħżugħ arrestat wara ġlieda f’Paceville.

Il-Maġistrat semgħet lill-Ispettur tal-Pulizija jixhed dwar l-arresti ta’ żewġt irġiel, akkużati b'inċident li beda fi Triq Gort u mbagħad inxtered fi Triq Wilġa, Paceville. Huma ġew akkużati fis-27 ta’ Novembru.

Dakinhar, missier il-vittma kien mar l-għassa ta’ San Ġiljan biex jirrapporta li ibnu u oħrajn kienu involuti fi ġlieda f’Paceville. Il-Pulizija kienet marret fuq il-post mal-vittma li għarfet lill-akkużat fost grupp ta' żgħażagħ. Huma ttieħdu taħt arrest u waqt tfittxija fuq wieħed miż-żgħażagħ dan irriżulta li kien qed iġorr erba’ fire crackers u ammont żgħir ta’ dak li l-pulizija tissuspetta li hija marijuana. L-oġġetti maqbuda ġew esebiti fil-Qorti llum.

Intant l-akkużat kien qatta’ lejl fil-lockup tal-pulizija, u wara ttieħdet stqarrija. L-Ispettur kompla jispjega li l-vittmi wkoll ġew interrogati u qalu lill-pulizija li kienu qagħdu faċċata ta’ ristorant fi Triq Gort meta nqala’ argument mal-akkużat. Il-vittmi kienu ngħataw daqqa ta’ ponn f’wiċċhom u f’rashom.

Skont l-Ispettur, il-pulizija kienet ġabret filmati tas-CCTV minn diversi kameras fl-inħawi iżda ħadd minnhom ma qabad l-inċident.

Għaldaqstant l-akkużati ngħataw il-ħelsien mill-arrest tal-pulizija iżda aktar tard il-pulizija kellha żewġ rapporti li wieħed mill-akkużati kien avviċina vittma f’ristorant u offra li jħallas għall-kura medika tiegħu. Dan filwaqt li qallu "ikun aħjar għalik jekk iżommni bħala ħabib milli bħala għadu."

Żied jgħid li l-pulizija kienet sejħet lill-akkużat għal aktar interrogazzjoni, li matulu ammetta li għamel dan.

L-akkużat ingħata ħelsien mill-arrest b'numru ta' kundizzjonijiet fosthom ta' curfew. Huwa talab lill-Qorti biex teżentah mill-curfew għal ġurnata waħda - lejlet l-Ewwel tas-Sena. Wara li semgħet x’kellhom xi jgħidu l-partijiet dwar din it-talba, il-Qorti laqgħet it-talba, għalkemm il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ ħelsien mill-arrest baqgħu fis-seħħ.

Il-każ ikompli fi Frar. L-ismijiet ta’ dawk involuti qed jinżammu minħabba projbizzjoni imposta mill-qorti.

More in Kronaka