Jinstab ħati li wassal għal paraliżi ta' żagħżugħa ... imma l-każ se jerġa jinstema mill-ġdid

Dan seħħ wara li l-akkużat argumenta li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx staqsietu jekk jixtieqx li jiġi ġġudikat sommarjament jew quddiem il-Qorti Kriminali – punt importanti tal-proċedura

Imħallef ordna s-smigħ mill-ġdid ta’ direttur ta’ kumpanija li kien iddikjarat responsabbli għal inċident li fih żagħżugħa tħalliet ipparalizzata wara li waqa’ fuqha armar tad-dawl.

Huwa kien ġie kkundannat 10 xhur ħabs għal negliġenza kriminali u li kkawża feriti gravi fl-2016. Il-Kumpanija kienet ġiet sottokuntrattata lura fl-2008, biex tinstalla scaffolding li minnu kien sospiż tagħmir tad-dawl, f’diskoteka pubblika fil-miftuħ f’parkeġġ f’San Pawl il-Baħar.

Madwar tliet sigħat wara, irjieħ qawwija kienu kkawżaw l-istruttura u l-ispotlights tqal biex jaqgħu u jħallu mweġġa' tmien persuni.

Il-vittma kkonċernata f'dan il-każ kellha biss 17-il sena dak iż-żmien meta sofriet korriment fis-sinsla tad-dahar, u issa tinsab f'siġġu tar-roti. Iż-żagħżugħa Ukrena kienet għadha kif tasal fuq il-post meta waqa’ l-armar.

Id-direttur tal-kumpanija kien ressaq appell kontra l-kundanna tiegħu, fejn argumenta fost l-oħrajn li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx staqsietu jekk jixtieqx li jiġi ġġudikat sommarjament jew quddiem il-Qorti Kriminali – punt importanti tal-proċedura.

Fis-sottomissjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Appell, l-Avukat Ġenerali kkonferma li l-imputat ma kienx ġie mistoqsi dan, iżda sostna li dan ma wassalx għan-nullità tal-proċeduri minħabba li d-difiża ma kinitx qajmet il-mistoqsija quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, li kien kompla jisma’ l-provi kollha fil-każ, inkluż ix-xhieda tal-akkużat innifsu.

Il-Qorti kienet bdiet tiġbor il-provi fil-każ tar-raġel peress li inizjalment ma kellhiex il-kunsens tal-Avukat Ġenerali biex tisma’ l-każ b’mod sommarju. Meta l-AĠ, eventwalment, talab li l-każ jiġi ġġudikat sommarjament, il-Qorti kienet legalment obbligata li tistaqsi lill-akkużat jekk kellux xi oġġezzjoni għal dan.

L-akkużat allega li qatt ma saritlu din il-mistoqsija. Il-prosekuzzjoni sostniet li dan il-kunsens kien taċitu, peress li mhux biss kien ħalla l-proċeduri jkomplu, iżda kien xehed fihom ukoll.  

Minkejja dan kollu, l-Imħallef saħaq li l-Qorti kellha tistaqsi lill-akkużat jekk tax il-kunsens tiegħu għal proċeduri sommarji jew le u għalhekk għandu jerġa' jsir is-smigħ mill-ġdid.

More in Kronaka