'Ħalluni bi kwieti jew nifqa' l-awla' - Tifel ta' 14-il sena mressaq il-Qorti fuq 23 akkuża

Fid-dawl ta' biża’ li sar tbagħbis fil-provi u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-Qorti ċaħdet il-libertà proviżorja

“Ħalluni bi kwieti jew nifqa' l-awla” kien kliem l-akkużat, tifel ta' 14-il sena waqt li kien qed jiġi mmanettjat biex jittieħed b'arrest mill-Qorti illum waranofsinhar. 

Dan it-tifel flimkien ma' tifel ieħor ta' 15-il sena nżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija b’total ta’ 23 akkuża, fosthom li serqu numru ta’ karozzi u daħlu f’vetturi oħra f’diversi postijiet madwar Malta, serq ta’ pjanċi, tibdil ta’ pjanċi ta’ vetturi, sewqan mingħajr liċenzja jew assigurazzjoni, pussess ta’ strumenti bil-ponta fil-pubbliku mingħajr il-liċenzja meħtieġa tal-pulizija kif ukoll insulti u theddid fuq terza persuna, li minnha allegatament serqu wkoll mobile.

Il-Pulizija qalet li l-maġġoranza tar-reati seħħew bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru bl-iżgħar wieħed akkużat ukoll li f’Awwissu seraq karozza oħra. Huma kienu akkumpanjati fil-Qorti dalgħodu mill-ġenituri u n-nanniet tagħhom. Fl-awla kienu preżenti wkoll uffiċjali tal-probation u ħaddiema soċjali.

Il-Maġistrat Doreen Clarke semgħet lill-Ispettur Christabel Chetcuti tispjega kif iż-żewġ akkużati, wieħed minn Ħal Safi u l-ieħor mill-Mosta, ġew arrestati waqt li kienu qed isuqu vettura misruqa f’Birkirkara.

Iż-żewġ akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi.

L-Avukat David Gatt, li deher f’isem iż-żagħżugħ ta’ 15-il sena talab il-ħelsien mill-arrest għall-klijent tiegħu. L-Avukat Leontine Calleja, li kienet qed tiddefendi liż-żagħżugħ ta’ 14-il sena, pero' ma għamlitx l-istess talba.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u żiedet li kien hemm ammont sostanzjali ta’ akkużi. L-akkużi "kienu serji ħafna fl-opinjoni tiegħi," irrimarka l-Ispettur.

Għaldaqstant l-Ispettur ammetta wkoll li l-akkużat ta' 14-il sena kien ikkopera bis-sħiħ mal-pulizija. Ħafna mill-oġġetti misruqa ġew irkuprati, fosthom il-vetturi filwaqt li qal li "fuq il-bażi tar-riskju li sar tbagħbis fl-evidenza, nitlob li t-tnejn li huma jinżammu taħt arrest preventiv."

L-avukat difensur tal-ġuvnott ta' 15-il sena sostna li l-klijent tiegħu kien għażel li ma jweġibx mistoqsijiet filwaqt li rrimarka li ż-żagħżugħ ma kellu l-ebda rekord kriminali, b’differenza mill-akkużat l-ieħor.

Il-Qorti, wara li semgħet kollox, fid-dawl tal-allegat reati lill-akkużanti, il-biża’ li sar tbagħbis fil-provi, u ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ċaħdet il-libertà proviżorja.

Il-Qorti ordnat projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-akkużati minħabba l-età tagħhom.

L-istqarrija tal-Pulizija fuq dan il-każ

Nhar il-Ħadd waranofsinhar, waqt li żewġ uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit kienu qed jagħmlu ronda f’Ħaż Żebbuġ, innutaw vettura tinstaq b'mod suspettuż. Ftit tal-ħin wara ġew infurmati mill-Kamra tal-Kontroll tal-Pulizija li din il-vettura tal-għamla Isuzu Gemini kienet ġiet irrapurtata misruqa aktar kmieni fl-istess ġurnata minn Birkirkara.

Kif induna bil-preżenza tal-Pulizija, x-xufier, il-ġuvni ta' 14-il sena beda jsuq f'diversi toroq sabiex jipprova jevithom. F’ħin minnhom l-Isuzu waqfet u ż-żewġ ġuvintur ipprovaw jaħarbu lill-uffiċjali bil-pass iżda kienu arrestati ftit 'il bogħod.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett ta' Birkirkara rriżulta ukoll li bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru huma serqu vettura tal-għamla Nissan Micra minn San Pawl il-Baħar, BMW 3 series minn Marsaskala, serq ta’ pjanċi ta’ żewġ vetturi minn tal-Pieta’ u serq ta’ diversi oġġetti minn żewġ vetturi f’Ħaż-Żebbuġ u Marsaskala.

Il-ġuvni ta’ 14-il sena kien akkużat waħdu wkoll li fit-12 t’Awwissu 2021 ikkommetta serq ta’ Suzuki Samurai minn Naxxar, serq ta’ mobile bi vjolenza minn Birkirkara fil-bidu tax-xahar t’Ottubru u li kkommetta reati waqt perjodu operattiv ta’ Probation.

More in Kronaka