Tmiem snin jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti fuq tkabbir tal-kannabis ... laħaq biddel ħajtu

Il-każ hu ta' raġel li tmien snin ilu inqabad ikabbar 21 pjanta tal-kannabis f'daru imma issa rriforma ruħu 

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

Raġel akkużat bi traffikar ta’ droga wara li kabbar 21 pjanta tal-kannabis f’daru, tmien snin ilu, se jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati mhux mill-Qorti Kriminali.  Dan filwaqt li l-imħallef jordna li l-Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, jingħata kopja tad-deċiżjoni biex jara jekk il-liġi għandhiex bżonn tinbidel.

Ir-raġel minn Santa Venera kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi fl-2013 wara li l-pulizija sabu 21 pjanta tal-kannabis b'sistema sofistikata ta’ tkabbir idroponiku li kien bena d-dar hu stess. Id-droga kollha li nstabet kienet tiżen total ta’ 878 gramma.

Huwa kien qal lill-pulizija li kien qed ikabbar il-pjanti bl-intenzjoni li jbigħhom, iżda l-Qorti qalet li huwa ħareġ id-dikjarazzjoni tiegħu mingħajr ma kien preżenti l-avukat tiegħu.

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija, Dennis Theuma, dak iż-żmien spettur tal-pulizija, kien qal lill-Qorti kif dan ir-raġel investa f’sistema idroponika li tiswa madwar €1,000. Il-Qorti qalet li permezz tal-użu ta’ din it-teknoloġija - li tiddependi fuq l-ilma aktar milli l-ħamrija bħala sottostrat - il-kannabis tikber aktar malajr u hija ta’ kwalità aħjar.

Għaldaqstant il-Qorti qalet li għandu jiġi enfasizzat li dan ma kienx stabbiliment industrijali, għalkemm is-sistema kien sofistikat. Din is-sistema intużat biss biex tissodisfa l-vizzju tal-marijuana tal-akkużat kif ukoll biex jiffinanzja d-djun li kellu. Ir-raġel kien ikkoopera mal-pulizija.

"Din il-Qorti temmen li billi ... linji gwida huma biss indikattivi, il-mogħdija taż-żmien minn meta nbdew il-proċeduri kif ukoll ir-riforma tal-akkużat huma fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati."

Għaddew tmien snin mill-arrest tiegħu, li matulhom huwa dejjem għadda mit-testijiet tad-droga amministrati mill-uffiċjal tal-probation tiegħu filwaqt li lesta studji fl-Università dwar iż-Żgħażagħ u l-Komunità. Huwa kien qed jaħdem ukoll mal-Caritas biex jgħin liż-żgħażagħ jindirizzaw il-problemi tagħhom tad-droga.

Il-Qorti qalet li ma tistax ma tagħmilx referenza għall-emendi li qed isiru bħalissa għal-liġijiet dwar id-droga fil-Parlament, li neħħew il-priġunerija obbligatorja għal reati bħal dak ta' dan il-każ.

L-imħallef Consuelo Scerri Herrera, wara li rat l-atti tal-każ, laqgħet it-talba tal-akkużat u ordnat li l-każ jiġi deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati minflok mill-Qorti Kriminali. L-imħallef ordnat wkoll li kopja tad-digriet tiġi mgħotija lill-Ministru tal-Ġustizzja biex tara jekk kienx hemm bżonn ta' emenda fl-Att dwar id-Drogi Perikolużi biex tirrifletti konsiderazzjonijiet oħra li l-Avukat Ġenerali għandu jqis meta jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu dwar jekk każ għandux jiġi pproċessat minn imħallef jew maġistrat.

More in Kronaka