Priġuniera tiddaħħal l-isptar wara li pprovat tagħmel suwiċidju fiċ-ċella

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li l-mara kienet kontinwament taħt moniteraġġ minn Psikjatra u li fl-ebda ħin ma kien sottolinjat riskju ta’ suwiċidju

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi qalet li dalgħodu, ftit qabel it-8:00am, l-istaff mediku tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kien infurmat li mara ta’ nazzjonalità Maltija, kienet mitlufa minn sensiha fiċ-ċella tagħha wara attentat ta’ suwiċidju. 

Wara intervent mit-tobba u l-infermiera tal-ħabs, il-persuna ttieħdet permezz ta’ ambulanza l-isptar Mater Dei, fejn għadha qed tiġi rikoverata u qed tingħata l-kura.

L-istqarrija spjegat kif il-persuna kienet kontinwament taħt moniteraġġ minn Psikjatra bl-aħħar viżta seħħet fit-3 ta’ Ġunju li għadda.

Fir-rapport tiegħu l-Psikjatra rrimarka li l-persuna inkwistjoni kienet qed tagħmel progress filwaqt li ma kienx sottolinjat riskju ta’ suwiċidju.

B'dan il-każ ġew infurmati l-pulizija tad-distrett filwaqt li nħatret inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Donatella Frendo Dimech.

More in Kronaka