'Ir-riskji tal-vaċċin huma ferm iżgħar mir-riskji marbuta mill-Covid-19'; Investigat każ ta' trombożi

Il-pariri tal-esperti jibqgħu dawk li l-vaċċin huwa l-uniku mod effettiv li bih nistgħu niġġieldu l-imxija tal-Covid-19

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li ġew infurmati b’każ ta’ persuna ta’ 58 sena li qed issofri minn trombożi.

Jidher li din il-persuna kienet ilha ħmistax-il jum li ħadet l-ewwel doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19. 

Bħalissa l-kundizzjoni tagħha tinsab stabbli, iżda l-każ kien irrapportat lill-Awtorità tal-Mediċini ta’ Malta bil-għan li tinvestiga jekk kienx hemm xi rabta mal-vaċċin.

Fakkru li l-Awtorità tal-Mediċini Ewropea qed tibqa’ tagħti l-parir li r-riskji tal-vaċċin huma rari u ferm iżgħar mir-riskji marbuta mal-Covid-19.

Il-pariri tal-esperti jibqgħu dawk li l-vaċċin huwa l-uniku mod effettiv li bih nistgħu niġġieldu l-imxija tal-Covid-19. Dawn ir-riżultati issa qed narawhom b'għajnejna.

Fl-aħħar jiem, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċina kkonkludiet li jista' jkun hemm rabta bejn il-vaċċin tal-Astra Zeneca u Johnson & Johnson ma każi rari ħafna ta' trombożi.

More in Kronaka