Persuna taljena lill-anzjani u l-oħra tisraq; Il-Pulizija ssolvi katina ta' serq fuq l-anzjani

Żewġ nisa kienu qed jgħidu lill-anzjani li huma kienu impjegati ta’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani

Il-Pulizija arrestat mata ta’ 44 sena li fis-7 ta’ April kienet parti minn serqa li saret fuq anzjana fir-residenza tagħha fl-Imsida.

B’rabta ma’ dan il-każ, il-Pulizija kienet arrestat ukoll mara ta’ 45 sena li tressqet il-Qorti nhar il-Ħamis li għadda. 

Aktar investigazzjonijiet waslu biex ġew solvuti erba’ każijiet oħra ta’ serq simili.

Żewġ serqiet f’Birkirara, waħda fuq anzjana ta’ 81 sena u oħra fuq anzjana ta’ 92 sena, serqa f’Santa Venera fuq anzjan ta’ 77 sena u serqa orħa fl-Imsida fuq anzjana ta’ 82 sena.

Hu mifhum li ż-żewġ serqiet saru mill-istess żewġ persuni.

Fil-każi kollha, l-allegati ħallelin qalu lill-anzjani vittmi li huma kienu impjegati ta’ aġenziji li joffru servizzi lill-anzjani. Sakemm persuna titkellem mal-anzjana, l-oħra tisraq id-dar.

Iż-żewġ nisa se jittellgħu l-Qorti llum.

Il-Pulizija appellat lill-anzjani biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafu li se jmur għandhom.

Jekk ikollhom suspett, iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija fuq in-numru 112. 

More in Kronaka