Żagħżugħ ta' 20 sena bi ġrieħi gravi wara argument f'Ħal Qormi

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

Żagħżugħ ta' 20 sena mill-Fgura qiegħed isofri minn ġrieħi gravi wara argument f'Ħal Qormi.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li għall-ħabta ta’ 12:05 pm il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa Triq l-Erba’ Qaddisin, Ħal Qormi.

Għaldaqstant, il-Pulizija tad-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ argument bejn żewġt irġiel ta’ 20 sena residenti l-Fgura, raġel ta’ 46 sena residenti Ħal Luqa, mara ta’ 33 sena residenti l-Fgura u raġel ieħor ta’ 65 sena residenti wkoll il-Fgura.

Hu mifhum li l-argument qam wara aċċident bejn iż-żewġ karozzi u li waqt dan l-argument intużat lembuba.

Iż-żewġt irġiel ta’ 20 sena u r-raġel ta’ 46 sena ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz t’ambulanza. Aktar tard wieħed mill-irġiel ta’ 20 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li r- raġel ta’ 46 sena sofra minn ġrieħi ta’ natura ħafifa. Iċ-ċertifikat taż-żagħżugħ l-ieħor ta’ 20 sena għadu pendenti.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin. 

More in Kronaka