20 persuna oħra arrestati matul il-lejl li għadda wara tfittxija għall-għarrieda għad-droga

Fost dawn, Irlandiż li ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ 66 pakkett bid-droga kokaina

Iżjed ħidma mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga matul il-lejl li għadda, wasslet għall-arrest ta’ 20 persuna ta’ nazzjonalitajiet varji nklużi Maltin u dan wara li fil-lejl ta’ qabel ġew arrestati 25 persuna oħra.

L-etajiet ta’ dawk arrestati jvarjaw bejn l-20 u l-34 sena.

L-arresti seħħew wara tfittxijiet għall-għarrieda li saru waqt attivitajiet ta’ divertiment fil-limiti tar-Rabat, Malta.

Id-drogi misjuba kienu jikkonsistu f’kokaina, MDMA, ħaxixa tal-kannabis, pilloli ecstasy u ketamina.

Fost dawn il-persuni kien hemm Irlandiż li ġie arrestat wara li nstab fil-pussess ta’ 66 pakkett bid-droga kokaina, lesta biex tiġi ttraffikata u raġel minn San Ġwann li nstab fil- pussess ta’ sitt pilloli ecstasy, żewġ pakketti bl-MDMA u pakkett kokajina f’ċirkostanzi li juru li kienu lesti biex jiġu ttraffikati fl-istess lejl.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u wħud mil-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin. 

More in Kronaka