“Tlift lil nannuwi b’attakk tal-qalb meta sema’ li Mintoff beda jagħmel il-passi biex jieħu l-bank”
Fl-ewwel parti tal-episodju ta’ Fuq Xtra ta’ din il-ġimgħa, Saviour Balzan jitkellem ma’ Jeremy Cassar Torregiani fuq il-kwistjoni tan-National Bank
minn Ilenia Debono
Dan huwa każ tan-National Bank li fl-1973 l-azzjonisti ngħataw ultimatum. Hemm ħafna opinjonijiet imma ma stajniex insibu nies lesti jitkellmu favur id-deċiżjoni tal-gvern dakinhar. Inti tiġi minn wieħed mill-fundaturi tal-bank, u ntfajt biex tqajjem din l-istorja. Kif domtu daqshekk biex taslu f’dan il-punt fejn ġibtu l-ġustizzja?
Mhux l-ewwel darba li tkellimna dwar id-dewmien. Tajjeb li nkompluha sal-aħħar. Id-dewmien fil-qorti naħseb dam daqshekk minħabba l-kumplikazzjonijiet tal-każ. L-ewwel irridu niftakru li l-bank kien il-bank ewlieni ta’ pajjiżna dak iż-żmien. Ħabbat ma’ żmien ta’ bidla politika li sarrfet ukoll f’bidla ekonomika. Kienet ġlieda naħseb li indirettament saret ġlieda kontra soċjaliżmu sfrenat ta’ Duminku Mintoff. Illum il-ġurnata kulħadd jaċċetta li hemm bilanċ fl-ekonomija. Imma meta l-istat jaħtaf il-propjetà privata tmur kontra n-natura tal-bniedem. Nisraqlek id-dar, jew il-karozza, il-kamera, ħadd mhu ħa jieħu gost. Mela meta l-gvern ħataf l-assi l-iktar prezzjużi li kellu pajjiżna u tefagħhom f’butu, fuq l-għajta ta’ bidla spċjali, min intmess b’mod ħażin irvella u ma ħax gost. Id-dewmien fil-Qorti, minħabba l-kumplikazzjonijiet. Qed tiġġieled kontra l-gvern. Il-każ kostituzzjonali nfetaħ fl-1992 imma l-każ oriġinali seħħ fl-1962.
Inti qisek qed tgħid fl-1973, il-Perti Mintoff kien xprunat mill-idea li Malta kellha bżonn tagħmel bidla soċjali kbira. Hawn min jargumenta li din kienet bżonjuża għall-pajjiż. Inti għedt li ma tistax tieħu propjetà privata bla kumpens. Taħseb li kien ġustifikat meta għamel hekk Mintoff?
Ovvjament le, kieku ma morniex il-Qorti niġġieldu kontriha. Kontra l-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien iġġilidna kontrihom ukoll, imma biex niddefendi ruħi kelli nilqa’ l-ġlieda ta’ din il-ħatfa.
Fl-1987 ġie elett Eddie Fenech Adami, u l-PN mhux l-ewwel darba li semma dan il-każ u ma ġara xejn. Għala ma ġara xejn?
Naħseb li l-gvern ta’ Fenech Adami ried jiffoka fuq affarijiet iktar essenzjali mid-drittijiet tal-eks shareholders, forsi. Fil-fatt, fil-bidu meta morna bħala shareholders biex inħabbtu l-bieb tal-gvern il-ġdid, qalulna biex nikkalmaw naqra għalissa għax hemm prijoritajiet oħra fil-pajjiż. Baqa’ kważi 25 sena fil-gvern il-PN u qatt ma indirrizzahom imma mbagħad iddeċieda li minflok jirranġa dan il-każ, għax seta’ ħatar tliet imħallfin jagħmlu x-xogħol li għamlu issa. Mingħajr id-dewmien ta’ 50 sena. Kieku kien hemm rieda tajba, naħseb il-Gvern Nazzjonalista seta’ faċilment isib soluzzjoni denja għal din.
Għalfejn taħseb li ma sabhiex? Forsi li kien hemm ċerta apatija lejn l-azzjonisti tan-National Bank?
Naħseb li iva. Dik kienet is-sinsla fuqiex inbniet din il-konfużjoni kollha. Għaliex? Għax kemm gvern PL li ried idaħħal ċerti bidliet, kif ukoll il-gvern PN warajh qisu qabel mal-fatt li dawn in-nies kienu “privileġġjati” u werrieta.
Hemm azzjonisti li għadhom ħajjin?
Iva ta, hemm, tissorprendi ruħek.
Inti dħalt b’dawk il-karti. Tgħidilna ftit x’inhuma?
Dawn qatt ma ħriġthom qabel illum. Ġibthom hawn biex nuri l-poplu n-nies kollha li kienu azzjonisti f’dan il-bank. Dawn in-nies, ibda minn Mary Adami u mur għall-aħħar wieħed, kollha kienu shareholders individwi. Hawn 285, apparti shareholders li kienu parti mill-kumpanija pereżempju shareholders tal-Farsons li kellhom share.
Inti komplejt man-nozzjoni li n-National Bank kien is-sinsla tal-ekonomija Maltija. Għaliex qed tgħid li kienu s-sinsla tal-ekonomija?
Għax qabel ma qlajna d-damdima fit-Tieni Gwerra Dinjija, l-ekonomija Maltija kienet iffukata fuq id-dry docks u l-bażi navali Ingliża. Voldieri jekk inti trid xi forma ta’ kapital biex tibda negozju ġdid, ma kellekx fejn tmur ħlief forsi għand xi bank Ingliż li ma kinux isellfu ħafna lill-Maltin. Meta nitkellmu fuq il-boom li llum il-ġurnata kburin tant biha bħala ekonomija żgħira, il-miraklu tal-ekonomija Maltija beda minn nies Maltin li bdew iħarsu lejn il-futur u riedu jamalgamaw il-kapital li kien hemm biex jibdew iħaddnu ekonomija ġdida u investew fit-turiżmu, il-manifattura, eċċetra. Dawn ħafna minnhom bdew mis-self min-National Bank.
Nagħmlu differenza bejn azzjonisti u klijenti. Kemm kien hemm klijenti tan-National Bank?
Eluf! Kien hemm klijenti kbar li llum ngħidulhom large lenders imma kien hemm eluf ta’ klijenti żgħar. Dak iż-żmien fl-1973 kellu ’l fuq minn 40 miljun liri Maltin imsellfin għand il-klijenti. Qed tgħid qisek €6 biljuni, mhux ċajta.
Minkejja li għaddew kważi 50 sena, kull forma ta’ analiżi storika tqanqal ċerti emozzjonijiet sproporzjonati. Kien hemm mument partikolari fejn il-klijenti xammew li se jiġri xi ħaġa u bdew joħorġu l-flus mill-bank u kif ġara dan, il-gvern beda jinsisti li l-bank ma kienx likwidu. Dak il-mument id-diretturi kienu qed jippruvaw jitkellmu mal-gvern. X’qalulu?
L-ewwel nett irridu niftakru li kollox seħħ f’ġimagħtejn. Ma kinitx l-ewwel darba li ħafna nies ġibdu l-flus f’daqqa. Fil-passat kemm-il darba saret. Però meta n-nies imorru jiġbdu l-flus, dment li dejjem jistgħu jieħdu flushom lura, l-affarijiet jibdew jikkalmaw wara. F’Diċembru tal-1973, baqgħu sal-aħħar iħallu kull depożitant jiġbed anke l-fixed deposits. Ġurnata minnhom kien hemm laqgħa f’Kastilja rigward il-kriżi li kienet għaddejja biex jaraw x’ħa jagħmlu biex itaffu din il-problema. Dak il-ħin minflok deher xi ħadd għall-Bank Ċentrali, deher il-Prim Ministru. Qalilhom li minn hawn ’il quddiem kien se jgħidilhom x’ħa jagħmlu. Pruvaw jifhmu l-pjanijiet tiegħu u qalilhom li m’għandhomx għażla ħlief li jagħti l-bank f’idejna u nsolvu kollox aħna. Dak iż-żmien id-diretturi bdew jgħidu li ma jistgħux jiġġieldu kontra l-gvern għax dan jista’ joħodha f’idu bilfors, imma almenu jħallsuna tagħhom. U l-Prim Ministru qalilhom, “Inħallsukom ta’ xejn?” Kont għadni kif twelidt jien dak iż-żmien, dik is-sena. Mar fuq id-diretturi u qalilhom li jridu jagħtu l-ishma tagħhom lill-gvern b’xejn u d-diretturi nqasmu, min favur u min kontra. qalu li hemm bżonn inżommu sodi u ma nħalluhomx jitilgħu fuqna. Hemmhekk irvilla l-Perit, għax hu kellu f’moħħu li ried hu d-dritta.
Biex nidħlu fil-perspettiva personali, il-fundatur huwa bużnannuk. Inti ridt il-flus b’idejk.
Ħafna mid-drabi fil-ħajja inti trid tiġġieled għall-affarijiet tiegħek, nieħu eżempju l-każ ta’ Jean Paul Sofia. Li ma kinitx għal familtu stess li marru jiġġieldu għad-drittijiet tiegħu ma kienx iqum il-kjass li ħareġ minn dak l-avveniment. Meta ngħid hekk, dak li jkun għandu d-dmir u l-obbligu li jiddefendi ruħu kontra. Kont vuċi waħdi għax jien kelli nikber, kelli xi 20 qabel ma dħalt fiha b’ruħi u ġismi. Jien mort l-Università biex nistudja fuq il-banking, kieku ma kontx nifhem, għal xejn dan li għamilt.
Kien hemm ukoll l-argument li anke jekk il-bank jiżvojta ruħu, kellkom biżżejjed assi biex tagħmlu tajjeb għad-dejn kollu. Kemm hi vera?
Mela ħa ngħidlek, irridu nifhmu li l-banek ta’ dak iż-żmien kienu regolati mill-gvern. Daħlet is-Central Bank of Malta Act fl-1967, voldieri min kien jgħid li jagħmlu li jridu kellhom żball. Illum għandna l-prova li dan ma kienx bank tal-lottu, anzi bank fis-sod għax kieku ma ħadniex il-kumpens li tatna l-Qorti tal-Appell.
L-ewwel Qorti tal-Appell tkellmet fuq kumpens ta’ €111-il miljun. Imbagħad il- Qorti tal-Appell niżlet iċ-ċifra għal €71 miljun. Għalfejn?
Għax mhux is-shareholders kollha kienu fil-każ li ntrebaħ. Kien hemm 9,800 shares maqsumin. Meta għamlu l-kalkoli, il-Qorti ħadet żball għax qasmet il-flus bejn l-azzjonisti kollha irrispettivament fuq kemm kellek shares. L-appell ikkoreġa dan kif ukoll il-fatt li l-€111 huma valur in total. Issa jekk hemm 70% li huma fil-kawża għax 30% għadhom ma daħlux isimhom fil-kawża, irridu nnaqqsu l-valur bi proporzjon. Żamm il-valur intrinsiku imma mhux il-proporzjon.
Inti wrejtna l-karti tal-azzjonisti li ħafna minnhom m’għadhomx magħna, hemm ħafna eredi. Kemm hemm involuti?
Nixtieq inkun naf. Naħseb jekk kull ġenerazzjoni kellha tlett itfal hemm xi 3,000 ruħ direttament involut. Jekk indirettament, hemm ħafna iżjed.
Kien hemm min tilef kollox u spiċċa b’xejn?
Ibda minni. Jien tlift lil nannuwi b’attakk tal-qalb meta sema’ li Mintoff beda jagħmel il-passi biex jieħu l-bank. Missieri ħadha ħażin ukoll u qabditu speċi ta’ breakdown u qatt ma ħadem ħajtu kollha dan ir-raġel. Aħna għaddejnieha d-dar li wiritha mingħand missieru u ommi għax kienet għalliema u kienet titmagħna hi.
It-tagħlima ta’ dan kollu qiegħda hemm. Eżempju l-King’s Own Band li l-gvern indaħal biex jixtri l-każin bi €9.2 miljun u jibqa’ topera. Il-kunċett illum qisu dar fuq rasu. X’inhi t-tagħlima?
Malta sfortunatament qegħdin l-ewwel fl-Ewropa kollha f’ħaġa ħażina ħafna ... il-ħarsien tad-drittijiet tal-fundamentali tal-bniedem (li jiksru d-drittijiet tal-bniedem milli l-vittma). Ir-Russja, It-Turkija, l-Albanija, saħansitra l-Ażerbajġan, jiġu warajna. Qed nikkwota lil Giovanni Bonello.
Jiġifieri l-fatt li għandna sistema ġudizzjarja li taħdem mhux pożittiv?
Jien naħseb li taħdem sa ċertu punt. Għax jekk tara l-andament ta’ pajjiżna mill-Indipendenza ’l hawn, qatt ma kien hawn darba deputat parlamentari wieħed li qatt ġie pproċessat u li laqqatha mill-Qorti. Ħlief nitkellmu fuq il-korruzzjoni u l-politika ma nagħmlux. Ħlief nonqfu miljuni kbar fuq rapporti ma nagħmlux. Dażgur li nara pożittiv moralment, li ħadna r-raġuni sa ċertu punt. Imma ħafna minn dawn in-nies mietu, veru ħadu l-eredi tagħhom imma dawk li mietu ma ħadux raġun. Din il-ġimgħa rajt intervista li fiha Joseph Muscat qal “kemm nixtieq li indirizzajt ruħi biex nirranġa il-qrati ta’ pajjiżna.” Nieħdu spunt minn eks mexxej tagħna u nirranġawhom.
Inti għamilt xogħol politiku mhux partiġġjan. Se tkompli tkun voċiferu?
Jien nixtieq li nagħmel kontribut siewi għal pajjiżi, kif għamilt għal familti. Illum il-ġurnata naħseb li jekk nista’ niddefendi pajjiżi lest li nagħmlu.
