'Trattament differenti dwar l-għoti tad-demm għandha tkun mibnija skont evidenza xjentifika'

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn petizzjoni minn ċittadin Estonjan quddiem il-Parlament Ewropew dwar restrizzjonijiet biex persuni LGBTIQ jagħtu d-demm fil-pajjiż...

Il-Kummissjoni Ewropea sa ċerta punt ħaslet idejha mill-kwistjoni ta' donazzjoni tad-demm minn persuni LGBTIQ fl-Unjoni Ewropea hekk kif iddeċidiet dwar petizzjoni li tressqet quddiem il-Parlament Ewropew minn Martin Vooder, Estonjan.  

Huwa qal f'din il-petizzjoni li l-Gvern Estonjan qed jisħaq illi persuni LGBTIQ jastjenu mis-sess sena qabel ma jiġu biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm. Il-Gvern Estonjan qal li peress li l-komunità LGBTIQ hija grupp ta' "riskju għoli" u allura hemm bżonn ta' skrutinju akbar. Vooder qal illi riċerka li saret fl-Estonja turi illi fost persuni eterosesswali ir-riskju jikber b'10 darbiet u allura jisħaq illi mhux ġust u validu li jiġu imposti tali restrizzjonijiet.  

Huwa jisħaq illi r-riskju sesswali qatt ma għandu jkun determinat mill-preferenzi sesswali imma mill-personalità tal-persuni u l-attività sesswali tiegħu.  

Il-Kummissjoni qalet illi filwaqt li tifhem li Stati Membri differenti għandhom kriterji differenti nkluż diferimenti għal għoti tad-demm ta' persuni meqjusin aktar sesswalment riskjużi, tinnota illi f'dan ir-rispett hemm differenza bejn "imġieba sesswali" u "orjentazzjoni sesswali" u tfakkar li dawn mhumiex identiċi.  

Pero' l-Kummissjoni innutat ukoll f'rispons għal din il-petizzjoni li porzjon sinjifikanti ta' nies li kienu pożittivi għall-HIV kienu rġiel li kellhom kuntatt sesswali ma' rġiel oħrajn u qalet ukoll illi "ir-rotta predominanti ta' każi jitrattaw irġiel li jkollhom x'jaqsmu ma' irġiel oħra - jew 53% tal-każi. Qalet ukoll li fil-każi ta' Ċipru, l-Ungerija, l-Iżlanda, l-Olanda, il-Polonja u l-Islovakkja dan il-persentaġġ tela' għal aktar minn 60%.  

Tfakkar illi l-kriterji differenti li jagħmlu stati membri differenti biex ikunu ċerti li l-proċess ikun sigur u jista' jieħu l-forma ta' ttestjar, anke b'teknoloġiji partikolari biex is-sigurtà tkun dejjem aċċertata.  

Il-Kummissjoni innutat illi fl-aħħar snin Stati Membri għamlu evalwazzjoni mill-ġdid tal-proċess ta' diferiment ta' għoti tad-demm u naqqsu l-perjodu għal tliet xhur sa sena. Tfakkar illi Stati Membri għandhom jaslu għall-konklużjonjiet finali dwar perjodu illi fih persuna trid tkun astjeniet mis-sess wara "li jieħdu f'kunsderazzjoni l-għarfien mediku, xjentifiku u epidemjoloġiku kif ukoll wara li kull mezzi oħrajn xjentifiċi jkunu analizzati wkoll." 

Il-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li pajjiż jista' jagħmel żmien ta' diferiment u allura restrizzjonijiet simili bħal dawk fl-Estonja u tisħaq li dawn jafu jkunu ġustifikati, quddiem in-numri ta' każi f'numru ta' pajjiżi.  

"Il-Kummissjoni Ewropea mhix f'pożizzjoni li tiddeċiedi hi l-kriterji ta' diferiment ibbażat fuq imġieba sesswalment riskjuża hekk kif l-implimentazzjoni tad-Direttiva tiddefinixxi illi huwa l-Istat Membru li għandu jiddeċiedi skont informazzjoni xjentifika u epidemoloġika lokali," qalet l-istess Kummissjoni.  

Hija tgħid ukoll illi kull trattament differenti dwar l-għoti tad-demm "għandha tkun mibnija skont evidenza xjentifika" u tinkoraġġixxi għalhekk aktar studji u informazzjoni dwar mard simili. Tappella wkoll biex fejn possibbli Stati Membri japplikaw restrizzjonijiet f'dan il-proċess skont l-imġieba ta' persuna. 

X'qalet il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja? 

Lura fid-29 ta' April 2009, tabib mill-Aġenzija Franċiża tal-Għoti tad-Demm irrifjuta li jagħti d-demm lil raġel fuq il-bażi tal-fatt li dan kien omosesswali u li l-liġi Franċiża kienet teskludi irġiel li kellhom kuntatti sesswali ma' irġiel oħrajn. Ir-raġel in kwistjoni kien sfida d-deċiżjoni u staqsa lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex tara dan hux kompatibbli mad-Direttivi Ewropej fuq is-suġġett.   

Id-direttiva tgħid li persuni li l-imġieba sesswali tagħhom tpoġġiehom f'riskju għoli li jkollhom mard trażmess sesswalment, għandhom ikunu esklużi mill-proċess ta' għoti tad-demm.  

L-Avukat Ġenerali Paolo Mengozzi kien qal iżda illi l-fatt li raġel ikollu x'jaqsam ma' ieħor ma għandux jiġi meqjus bħala imġieba sesswali li tipprekludih milli jagħti d-demm. 

Huwa qal li għalhekk "imġieba sesswali" għandha tkun definita bħala prattika sesswali ta' nies differenti u individwali.   

Għalhekk minn dan il-lat il-fatt li raġel kellu x'jaqsam ma' raġel ma għandux iwaqqaf persuna milli tagħti d-demm.  

Megnozzi qal illi l-libertà tal-Istati Membri tispiċċa l-mument li d-drittijiet u l-liberatjiet fundamentali jiġu mhedda.  

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024