Il-Parlament Ewropew jappella biex il-piż li se joħolqu s-sanzjonijiet kontra r-Russja ma jintefgħux fuq il-familji

F'riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew isir aċċenn partikolari fuq il-bżonn li l-UE tibqa' tnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq il-gass, żejt u faħam Russu

Il-Parlament Ewropew ħa pożizzjoni ċara fir-rigward ta' xirir ta' gass, żejt u faħam mir-Russja u f'riżoluzzjoni li għadda aktar kmieni dan ix-xahar li titratta l-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna, qed jgħid li l-Unjoni Ewropea għandha tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq ir-Russja. Qed jisħaq li l-popli ewropej ma għandhomx iġorru l-piż li se joħolqu s-sanzjonijiet fuq ir-Russja u korporazzjonijiet Russi, speċjalment f'dak li jirrigwarda prezzijiet tal-gass, żejt u fjwils.

"Għalhekk il-Parlament Ewropew qed jisħaq li Stati Membri għandhom jippreparaw pjani u anke jlestu biex jagħtu sussidji lil diversi familji, speċjalment dawk li qed iħossu l-aktar l-għafsa tal-prezzijiet tal-enerġija. 

Hawn Malta l-prezzijiet baqgħu stabbli u minkejja li l-ftehim tal-Hegding dwar il-gass jintemm f'April il-Gvern qed jisħaq li hu alloka €200 miljun għal dan il-għan fl-aħħar baġit - liema flus jkopru sal-aħħar tal-2022. 

Fir-riżoluzzjoni qed jisħqu li l-pajjiżi ewropej għandhom jiddiversifikaw sorsi ta' enerġija, effiċjenza u anke t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. 
Il-Parlament Ewropew qed isejjaħ għall-Pipeline Nord 2 biex ikun abbandunat u allura qed jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern Ġermaniż sabiex titwaqqaf iċ-ċertifikazzjoni għal dan il-proġett. Fid-dawl ta' dan qed jisħaq illi l-Kummissjoni Ewropea u Stati Membri joħolqu mekkaniżmu ta' koordinazzjoni u d-depożiti kollha tal-gass sabiex b'hekk tkun assigurata fornitura kontinwa ta' gass madwar l-UE kollha. Qed jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew sabiex jagħmel moniteraġġ tal-impatt Russu fuq l-istabilità finanzjarja u l-istabbilità tal-prezzijiet - speċjalment f'dak li jirrigwarda prezzijiet tal-enerġija. Dan hekk kif din il-gwerra mistennija tkompli tiggrava l-qagħda tal-prezzijiet, li kienu diġa' għolew sew minħabba fatturi relatati mal-Covid-19. 

Fid-dawl ta' dan qed jipproponu miżuri li jnaqqsu mill-impatt soċjali u ekonomiku. 

Il-Parlament Ewropew qed jitlob ukoll li kull forma ta' kollaborazzjoni mar-Russja fis-settur tal-enerġija nukleari, inkluż kooperazzjoni mal-Aġenzija tal-Enerġija Atomika u t-twaqqif tal-liċenzji lill-Kumpanija Rosatom; Kumpanija ta' Enerġija Nukleari Statali Russa - jew sussidrjarji tagħha.  

Kundanna fuq il-miżinformazzjoni Russa

Intant il-Parlament Ewropew qed jikkritika wkoll dik li jsejjaħ "gwerra ta' miżinformazzjoni mill-awtoritajiet Russi." Jgħid illi din ġejja mill-midja tal-istat Russu u dawk qrib tagħha li skont il-Parlament qed ixerrdu "narrattivi foloz" dwar l-UE, in-NATO u l-Ukrajna. Jingħad fir-riżoluzzjoni li dan qed isir sabiex jinħolqu diviżjonijiet u sabiex "ikunu miċħudin l-atroċitajiet li qed iseħħu mir-Russja." 
Għalhekk il-Parlament sostna li pajjiżi Ewropej għandhom jissospendu b'mod immedjat stazzjonijiet tat-Televiżjoni Russi, xi ħaġa li fil-fatt diġà ġrat f'ħafna pajjiżi ewropej, inkluż Malta. 

Pjan ta' Rkupru għall-Ukrajna

Il-Parlament Ewropew qed isejjaħ għall-Istati membri biex l-UE tipprepara pjan ta' rkupru għall-Ukrajna, liema pjan jgħin lill-Gvern Ukren sabiex issir rikostruzzjoni mill-ġdid ta' infrastruttura li nqerdet, inkluż bini residenzjali kif ukoll għajnuna għat-telf ekonomiku qawwi li sofra l-pajjiż.

Dan kollu filwaqt li l-Parlament Ewropew jibqa' jinsisti li r-Russja għandha twaqqaf dan l-attakk "illegali u bla ġustifikazzjoni u provokazzjoni."

"Ir-Russja għandha twaqqaf l-attivitajiet fl-Ukrajna b'mod immedjat hekk kif din l-aggressjoni u invażjoni hija ksur sfaċċat tal-Liġi Internazzjonali," tgħid ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024