Skemi ta' bejgħ ta' passaporti jitwaqqfu sal-2025... Tipproponi mozzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Bulgarija, Ċipru u Malta li bħalissa għandhom leġiżlazzjoni li tippermetti ċittadinanza b'investiment permezz tal-bejgħ tal-passaporti - il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Portugall u Spanja qed joperaw ukoll skemi ta' Residenzi b'Investiment 

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq f'mozzjoni bi proposti lill-Kummissjoni Ewropea, liema rapport kien magħmul mill-MEP Sophie Int'Weld illi l-Unjoni Ewropea għandha toħloq tragwardi ċari li permezz tagħhom ma tippermettix aktar programmi ta' bejgħ ta' ċittadinanza ġodda filwaqt li toħloq massimu ta' ċittadinanzi li jistgħu jingħataw, permezz ta' skemi ta' ċittadinanza b'investiment, sakemm dawn jitwaqqfu fl-2025. B'hekk dawn l-iskemi jkunu twaqqfu b'mod assolut sa tliet snin oħra. 

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq illi l-mod gradwali li bih se jitneħħew tali skemi għandu jgħin lill-pajjiżi li jħaddmu tali skemi biex isibu mezzi alternattivi sabiex jattiraw investiment u jsostnu l-finanzi pubbliċi. 

Huma l-Bulgarija, Ċipru u Malta li bħalissa għandhom leġiżlazzjoni li tippermetti ċittadinanza b'investiment permezz tal-bejgħ tal-passaporti, għalkemm il-Gvern Bulgaru qed imexxi 'l quddiem leġiżlazzjoni biex din l-iskema titwaqqaf, filwaqt li l-Gvern Ċiprijott ħabbar f'Ottubru 2020 illi se jissospendi l-iskema u jgħaddi biss applikazzjonijiet li irċieva qabel Novembru 2020. 

Minkejja dan, il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, Malta, l-Olanda, il-Portugall u Spanja qed joperaw ukoll skemi ta' Residenzi b'Investiment li jvarjaw minn €60,000 fil-każ tal-Latvja u €1.25 miljun fil-każ tal-Olanda. Il-Mozzjoni tfakkar li bejn l-2011 u l-2019 total ta' 42,180 applikazzjoni taħt dawn l-iskemi kienu approvati b'total ta' 132,000 persuna - inkluż familji tal-applikanti - jakkwistaw ċittadinanza Ewropea. 

F'Ottubru tas-sena l-oħra l-awtoritajiet Ċiprijotti ħabbru li se jirrevokaw iċ-ċittadinanza ta' 39 persuna barranija u sitt membri tal-familja tagħhom. 

Il-Mozzjoni tgħid fil-fatt li ftit iktar minn nofs dawk li ngħataw ċittadinanza mill-Gvern Ċiprijott, jew madwar 6,779 persuna, bejn l-2007 u l-2020 ma sarulhomx biżżejjed due diligence qabel ingħatatilhom iċ-ċittadinanza. 

Il-mozzjoni tfakkar li dawn l-Istati Membri joperaw f'dawn it-tip ta' skemi bi skambju għal kunsiderazzjonijiet finanzjarji "fil-forma ta' kapital passiv" u tgħid li l-istatus mogħti ħafna drabi jimponi biss preżenza minima tal-persuna fil-pajjiż jew inkella lanqas biss jimponuha. Il-mozzjoni tfakkar li dawn joffru wkoll metodu 'fast track' għaċ-ċittadinanza, bid-differenza għal metodi normali li minnhom jridu jgħaddu nies oħrajn. 

Il-mozzjoni tgħid illi skemi simili jaffetwaw l-Istati Membri kollha "għax meta stat membru jagħti ċ-ċittadinanza awtomatikament qed jagħtihom id-drittijiet tal-Ewropej, tal-libertà tal-moviment, id-dritt tal-vot u d-dritt lil dawn in-nies li jivvotaw jew inkunu kandidati. Dan apparti, li jkollhom id-dritt ta' protezzjoni konsulari barra l-UE u jingħataw ukoll id-drittijiet kollha relatati ma' attivitajiet ekonomiċi." 

Il-mozzjoni tfakkar li għalkemm id-dritt ta' ċittadinanza tibqa' responsabilità tal-Istat Membru skemi bħal dawn jistgħu joħolqu riskji ta' korruzzjoni u ħasil ta' flus. 

Il-mozzjoni qed tisħaq ukoll li skemi ta' Residenza b'Investiment għandhom ikollhom due diligence aktar rigoruż tal-applikanti u fejn neċessarju tal-membri tal-familja wkoll, inkluż is-sors ta' ffinanzjar tagħhom. Ir-regolazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni proprja u l-iskrutinju ta' intermedjarji u l-attivitajiet tagħhom u fil-każ tal-bejgħ taċ-ċittadinanza dawn is-servizzi tal-intermedjarji jitwaqqfu. 

Il-Parlament Ewropew qed jipproponi wkoll li jkun hemm ħtieġa ta' residenza fiżika fil-pajjiż u involviment attiv f'investiment ta' kwalità u li jagħti valur miżjud lill-ekonomija tal-pajjiż. 

Il-Parlament Ewropew qed jisħaq ukoll li għandu jkun hemm proċeduri li jitrrattaw il-liċenzjar tal-intermedjarji infushom - bħal ma huma Henley&Partners fil-każ tal-iskema Maltija. Il-mozzjoni tipproponi li jkun hemm regoli speċifiċi li jirrigwardaw due dilienge ta' dawn il-kumpaniji, projbizzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kontra r-riklamar ta' skemi ta' residenza, regoli ċari ta' trasparenza tas-sidien tal-intermedjarji u miżuri li jilqgħu għall-korruzzjoni fi ħdan il-kumpanija intermedjarja. 

"Filwaqt illi l-għoti taċ-ċittadinanza nazzjonali tibqa' prerogattiva tal-Istati Membri, din il-prerogattiva jeħtieġ tkun eżerċitata fi spirtu ta' rispett, trasparenza u skont il-prinċipji tal-kooperazzjoni sinċiera u skont il-Liġi tal-UE," tgħid il-mozzjoni li tfakkar ukoll kif il-President tal-Kummissjoni Ewropea stess Ursula Von Der Leyen kienet qalet illi l-valuri Ewropej mhumiex għall-bejgħ.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024