'Putin huwa l-Hitler il-ġdid, li kompla fejn ħalla l-aħħar wieħed' - Poeta Ukrena lill-Parlament Ewropew

Nhar Jum il-Mara Oksana Zabuzhko tgħid lill-Parlament Ewropew li dan ma għadux kunflitt imma huwa Gwerra Dinjija

F'diskors b'saħħtu fil-Parlament Ewropew f'Jum il-Mara l-kittieba u poeta Ukrena Oksana Zabuzhko sostniet illi hija stramba kif ħadd ma ħa lil Putin bis-serjetà meta kien qed joqtol għexieren ta' nies fl-Ukrajna snin ilu. Hija qalet illi meta fl-2014 ikkumparat lil Vladimir Putin ma' Hitler u Stalin hija kienet iċċensurata billi ntefa' l-microphone u dak il-parti tad-diskors ma kienx inkiteb. 

"Għaddew tmien snin minn dakinhar u ħafna ħajjiet ma kinux jitntilfu kieku l-UE u l-Istati Uniti rrealizzaw illi Putin huwa l-Hitler il-ġdid, li kompla fejn ħalla l-aħħar wieħed," sostniet Zabuzhko fl-aktar stqarrija b'saħħitha u qawwija tagħha lill-Parlament Ewropew. 

Hija akkużat  lid-Ditattur Russu li huwa jipprova jimita lil Hitler u stqarret: "Dan ma għadux kunflitt, diġà qegħdin fi Gwerra Dinjija u kunu ċerti li Putin mhux se jieqaf jekk ma jitwaqqafx minn front b'saħħtu biżżejjed li jemmen illi l-libertà u s-solidarjetà huma iktar importanti mill-gass u ż-żejt," sostniet għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti, 

Oksana Zabuzhko qalet illi l-Ukreni ma jibżgħux mir-Russja u wissiet illi kif gwerer oħrajn bdew minn teħid ta' pajjiż u wara pajjiżi oħrajn, hekk ukoll issa tgħid li qed isir b'attakki fuq il-Georgia, il-Belaruss, l-Ukrajna u wara fuq l-Ewropa. 

Hija qalet illi filwaqt li tapprezza l-opportunità li ngħatat biex titkellem quddiem il-Parlament Ewropew f'dan il-mument li ssejjaħlu "l-aktar mument ta' dlam fi snin twal", fakkret illi hija dejjem tkellmet għan-nisa, tat spazju lin-nisa vittmi  tal-vjolenza domestika, lil dawk in-nisa li sfaw minsija u sabiex in-nisa jgħixu skont ix-xewqat u preferenzi tagħhom. "Imma din hija l-ewwel darba li qed ikolli nitkellem għad-dritt tal-ħajja tal-mara." 

Oksana Zabuzhko qalet illi n-nisa Ukreni huma b'saħħithom u qed juru din is-saħħa billi jiġġieledu flimkien mas-suldati, jipprovdu l-fornimenti lill-ibliet - li uħud minnhom jinsabu fix-xifer ta' kriżi umanitarja. Hija qalet illi tobba Ukreni qed joffru għajnuna u struzzjonijiet lin-nisa biex iwelldu waħedhom fix-shelters u qalet illi dan ifakkarha fl-istorja bibblika ta' meta Erodi ried joqtol it-trabi. 

"Aħna b'saħħitna u grati lejn l-għajununa u l-appoġġ li qed turuna. Imma l-bombi ta' Putin mhux se jitwaqqfu mis-saħħa tal-ispirtu tagħna . It-trabi qed imutu bit-trabijiet tal-bombi. Il-maxtura fejn twieled Ġesu wkoll kienet aktar iġenika," qalet Zabuzhko.  Hija kompliet tfakkar li fi gwerra, n-nisa u t-tfal huma l-aktar persuni vulnerabbli u saħqet li hija propju din it-tarka li qed jipprova jkisser Putin. 

"Għal kull mument ta' dubju u waqt kull waqfa għall-kafè li tieħdu, qed tintilef ħajja ta' persuna, probabbilment mara jew ħajja ta' tfal."

Intant qabilha tkellmet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li faħħret lin-nisa Ukreni u l-fatt li qed jirreżistu kemm jifilħu lill-agressur. Qalet illi sfortunatament fi gwerra ma hemmx rebbieħa imma biss telliefa, mewt, uġigħ u nies li jkollhom iħallu lil pajjiżhom.

'L-Ukreni mhumiex jiddefendu biss il-valuri tagħhom, imma l-valuri tagħna wkoll' - Fitzgerald (EPP)

Frances Fitzgerald mill-Partit Popolari Ewropew qalet illi dak li kienet għadha kemm stqarret il-mara Ukrena fil-Parlamenr kien tassew tal-biża'. "L-Ukreni qed jiddefendu mhux biss il-valuri tagħhom, imma tagħna wkoll. Il-valur tad-demokrazija, tas-saltna tad-dritt u anke tal-ugwaljanza tal-ġeneru - fil-qofol ta' kollox, għax huwa wieħed mill-valuri li emminna fihom fil-bidunett tal-proġett tagħna."

Hija spjegat kif eluf ta' nisa qed jiġru għal ħajjithom taħt bullets u missili, jiġru mill-vjolenza, fin-nar "sabiex jipproteġu l-valuri tagħna." Hija qalet illi dawn huma l-istess nisa li sa ftit żmien ilu kienu qed imexxu n-negozji u lill-pajjiż 'il quddiem u jingħaqdu magħhom in-nisa fl-Afganistan, fl-Etjopja, il-Yemen u l-Belaruss. 

Fitzgerald qalet li hemm bżonn nibqgħu nfittxu s-soluzzjonijiet ta' paċi. "Irridu nisa li jkunu fuq quddiem fil-ġlieda għad-demokrazija, għall-valuri tagħna, għall-ġlieda favur l-ugwaljanza bejn il-ġeneru." 

'L-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun parti mill-identità tagħna bħal ma hi l-paċi'

Intant il-Mexxej tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Iratxe Garcia Perez qalet illi l-femminiżmu huwa l-ġlieda komuni għal-libertà u għad-drittijiet. "Il-kuraġġ tan-nisa fl-Ukrajna jfisser li ħafna qed jitilfu ħajjithom u aħna rridu nkunu ma' dawk li qed isofru."

Stephen Sejourne mill-Partit Renew qal illi l-immaġini ta' nies fuq quddiem li qed ibatu u stejjer dwar kif l-istupru qed jintuża bħala għodda ta' gwerra juru kemm hija importanti l-ugwaljanza. "Imma rridu mmorru oltrè minn hekk. L-ugwaljanza bejn il-ġeneri trid tkun parti mill-identità tagħna bħal ma hi l-paċi. Meta tgħid li int favur l-Ewropa jkun ifisser li inti favur il-femminiżmu."

Ska Keller mill-Partit tal-Ħodor sostniet illi minkejja l-avvanzi li saru f'dan il-qasam xejn ma għandu jittireħed for granted. "Dak li qed jiġri u l-ġurnata tal-lum hija aktar minn ċelebrazzjoni, hija wkoll tfakkira ta' kemm għad fadal xi jsir." Keller fakkret li ħafna drabi fi gwerra huma n-nisa l-aktar li jbatu konsegwenzi u fakkret fin-nisa Ukreni, imma wkoll f'dawk Russi li qed jipprotestaw kontra l-azzjonijiet tal-President Russu Vladimir Putin. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024