Kliem iebes u theddid ta' sanzjonijiet ħorox. It-twissijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kremlin

Proprju l-ġimgħa l-oħra l-Parlament Ewropew iltaqa' u għamel twissijiet ċari lir-Russja. Ara x'qalu Roberta Metsola, Chalres Michel, Ursula Von Der Leyen, Manfred Weber u Iratxe Garcia Perez....

Ritratt tal-Parlament Ewropew (Charles Michel u warajh Roberta Metsola)
Ritratt tal-Parlament Ewropew (Charles Michel u warajh Roberta Metsola)

Din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew kien iffukat b'mod partikolari u speċjali fuq il-kwitsjoni tal-Ukraina u l-attakki militari li ħafna qed jibżgħu li se twettaq ir-Russja, taħt t-tmexxija ta' Vladimir Putin fuq dan il-pajjiż. Il-gazzetta ILLUM tat ħarsa lejn il-Plenarja tal-Parlament Ewropew u dak li qalu wħud mill-aktar kelliema importanti f'dan id-dibattitu. 

'Lesti biex nappoġġjaw azzjoni b'saħħitha'

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola reġgħet esprimiet solidarjetà mal-poplu tal-Ukraina u fakkret li dak li qed iseħħ fuq il-fruntiera ta' dan il-pajjiż mhu xejn ħlief theddida fuq il-paċi fl-UE. 

Metsola - meta fetħet il-Plenarja li trattat din il-materja - bdiet billi fakkret f'€1.2 biljuni f'għajnuna li l-UE qed tagħti lill-Ukraina sabiex tgħin lil dan il-pajjiż joħroġ mill-għawġ li għaddej minnu. "Nisħaq illi waqt li għadna nkomplu naħdmu għad-deskalazzjoni tas-sitwazzjoni... aħna lest biex nappoġġjaw azzjoni b'saħħitha flimkien mal-istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, sabiex b'hekk nassiguraw il-paċi u s-sigurtà." 

'Is-sanzjonijiet jekk naslu għalihom jeħtieġ ikollhom konsegwenzi enormi'

"Din hija ġimgħa importanti illi matulha se jkollna laqgħat mal-Unjoni Afrikana... imma s-sitwazzjoni serja fil-lvant tal-Ewropa ħadet il-post fil-quċċata tal-aġenda. Dan l-attakk tar-Russja huwa bla preċedent u jsegwi wkoll l-każ tal-Krimea. Ir-Russja qegħda kontinwament timmina s-sovranità tal-Ukraina." 

Hekk sostna l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel li qal illi dak li qed jiġri mhu xejn jekk mhux imġieba aggressiva li tipperikola l-paċi u s-sigurtà fl-Ewropa. Huwa qal li hu proprju għalhekk li Stati Membri qed jaħdmu flimkien b'intensità, li jisħaq li qatt l-Ewropa ma rat bħalha. 

Għalhekk huwa qal li l-Unjoni Ewropea se tkompli taħdem, l-ewwelnett b'diplomazija biex b'hekk jinfetħu l-possibilitajiet kollha ta' djalogu u diskussjoni mar-Russja, li jammetti li għandha t-tħassib ta' sigurtà tagħha. "Aħna qatt ma waqafna nagħtu priorità lid-diplomazija tad-djalogu, anke jekk dawn mhux dejjem jagħtu r-riżultati," qal Michel. Huwa sostna li minkejja li r-Russja weriet predispożizzjoni għad-diplomazija, l-UE qed tittama li dan il-pajjiż jieqaf jorganizza t-truppi. 

"Imma apparti minn dan u apparti d-diplomazija hemm preparazzjoni għal sanzjonijiet - jekk ikun hemm bżonnhom. Is-27 Stat Membru se jiltaqgħu u jiddiskutu sanzjonijiet b'konsegwenzi enormi fuq ir-Russja," qal Michel. 

Huwa reġa' qal illi minkejja li l-UE għaddejja fit-triq tad-diplomazija u djalogu, xorta se żżomm sod quddiem din t-theddida ta' gwerra fuq l-għatba tagħha. 

Charles Michel
Charles Michel

'Qed nittamaw għall-aħjar xenarju, imma preparati għall-agħar xenarju'

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen fakkret li l-Unjoni Ewropea nħolqot propju biex jieqfu l-gwerer kollha tal-Ewropa u allura qalet li huwa "uġigħ ta' ras" li l-istess UE tara dak li qed jiġri fuq il-fruntiera tagħha. 

"Il-poplu tal-Ukraina qed jipprova jgħix ħajjtu... minflok spiċċa jerfa' l-provvisti tal-ikel biex jipprepara għal dak li jista' jinqala'. L-Ukraina huwa pajjiż sovran, li jieħu d-deċiżjonijiet għalih innifsu u allura dak li qed jiġri ma nistgħux naċċettawh," sostniet Von Der Leyen. 

Hija qalet li sa issa għad hemm tama li d-diplomazija tista' tħalli l-frott. 

Von Der Leyen qalet illi l-Ukraina batiet minħabba r-Russja, "imma xorta għamlet u ħadet passi kontra l-korruzzjoni, favur impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ... Illum l-Ukraina hija pajjiż ħafna aktar b'saħħtu mill-2014 u huwa propju għalhekk li r-Russja qed timminaċċjah lil dan il-pajjiż, għax qed tarah jagħmel il-progress," sostniet għaċ-ċapċip Ursula Von Der Leyen. 

Hija fakkret illi hekk kif huwa dritt ta' kull bniedem li jgħix mingħajr biża' hekk ukoll kull pajjiż għandu dritt ifassal il-futur tiegħu u huwa dan il-messaġġ tal-UE lir-Russja. 

"Jekk il-Kremlin jagħżel il-vjolenza, ir-risposta tagħna se tkun b'saħħitha u robusta," kompliet tgħid filwaqt li indikat illi s-sanzjonijiet kontra r-Russja din id-darba ma jkunux biss jinkludu projbizzjoni ta' vjaġġar imma "pakkett sħiħ" ta' sanzjonijiet potenzjali li naturalment indikat li se jkunu ekonomiċi. 

"Ir-reazzjoni tagħna se tkun qawwija u spedita," sostniet Von Der Leyen li fakkret illi huwa fl-interess tar-Russja stess li ma jsirux sanzjonijiet ewropej. Hija fakkret li l-Ewropa għandha fost l-aktar riżorsa u kumpaniji ta' teknoloġija avvanzati globalment, xi ħaġa li r-Russja għandha bżonn sabiex tkompli tiddiversifika l-ekonomija tagħha. 

Ammettiet li fl-aħħar sena l-Ewropa rat inqas gass ġej mir-Russja għalkemm sostniet li l-UE għaddejja b'ħidma ma' pajjiżi oħrajn dwar il-fornitura tal-gass tant li tgħid illi f'Jannar biss daħlu 'l fuq minn 120 vapur kbir bil-gass minn pajjiżi oħrajn, filwaqt li l-UE żiedet l-LNG Terminals u anke x-xibka ta' pajpijiet. "Dan l-investiment se jkun il-qofol tal-fornitura tal-enerġija mill-idroġenu, li huwa l-futur." 
Ursula Von Der Leyen qalet illi għal din ix-Xitwa l-Ewropa hija sigura f'termini ta' fornitura ta' gass u qalet illi ġew diskussi wkoll miżuri oħrajn f'każ ta' emerġenza. 

"Ma għażilniex il-konfront u qed nittamaw għall-aħjar xenarju, imma preparati għall-agħar xenarju. Jekk ir-Russja tibda gwerra, mill-ewwel jiskattaw sanzjonijiet iebsin. Imma hemm alternattivi, hemm futur illi fih l-UE u r-Russja jistgħu jikkoperaw u jibni futur ta' prosperità mibni fuq il-valuri u d-drittijiet umani," temmet tgħid il-President tal-Kumissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen lill-Parlament Ewropew. 

Ursula Von Der Leyen, President tal-KE
Ursula Von Der Leyen, President tal-KE

'L-akbar theddida għal Putin hija Ukraina libera u demokratika'

Intant il-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber sostna li hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tingħaqad flimkien għall-paċi, "għax din il-kwistjoni mhijiex biss dwar l-Ukraina imma wkoll dwarna u l-paċi fl-Ewropa." 

"Aħna qegħdin man-nies li jridu l-paċi u d-demokrazija," sostna Weber li qal illi l-akbar theddida għall-Mexxej Russu "hija Ukraina libera u demokratika." Fakkar fil-fatt li dan diġà għandu poter fil-Belarus u jgħid li l-President Alexander Lukashenko huwa pupazz ta' Putin. 
Finalment Manfred Weber fakkar li fil-Parlament stess ftit żmien ilu biss Alexei Navalny rebaħ il-Premju Shakharov, u fakkar li dan issa qed jiffaċċja 15-il sena priġunerija bla ebda bażi. 

Intant il-Mexxej tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi Iratxe Garcia Perez sostniet ukoll li b'dak li qed jagħmel il-Parlament Ewropew, qed jerġa' juri s-solidarjetà tiegħu mal-poplu Ukren. 

"Ma nistgħux noqgħodu fil-ġenb fuq din il-kwistjoni... is-sovranità u d-dritt tal-paċi huma kisbiet li ma għandhomx jiġu mċaħħda," saħqet. Hija qalet illi l-Ukraina teħtieġ tifhem li l-Parlament Ewropew - inkluż is-Soċjalisti - jinsabu warajha. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024