'Skemi ta' bejgħ ta' passaporti huma oġġezzjonabbli mil-lat etiku, legali u ekonomiku' - MEPs

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu li l-passaporti tad-deheb jiġu pprojbiti u jsiru regoli tal-Unjoni Ewropea għal viżi tad-deheb

Il-Membri Parlamentari Ewropej qed jitolbu li l-passaporti tad-deheb jiġu pprojbiti u jsiru regoli tal-Unjoni Ewropea għal viżi tad-deheb. Dan qed jipproponuh hekk kif qed isostnu li l-“Passaporti tad-deheb” huma oġġezzjonabbli mil-lat etiku, legali u ekonomiku u joħolqu diversi riskji serji għas-sigurtà. Huma qed jisħqu wkoll li viżi tad-deheb jeħtieġ li jiġu regolati u dawn ir-regoli għandhom jiġu imposti fil-livell tal-UE

Pajjiżi terzi b’aċċess għall-UE mingħajr viża għandhom ukoll itemmu l-iskemi tagħhom ta’ “passaporti tad-deheb”. 

Malta hija fost dawk il-pajjiżi fl-UE li għandhom passaporti simili, skema li qajmet ħafna kontroverjsa u diskussjoni - hekk kif attirat numru ta' nies bi sfond dubjuż, u diversi oħrajn li ma kellhom ebda xewqa li jkollhom rabta ma' Malta għajr il-passaport ewropew. Fil-fatt diversi rapporti kienu żvelaw kif f'ħafna każi dawk li kienu qed jixtru l-passaport lanqas biss kienu qed jersqu lejn l-appartament li qed jikru. L-iskema kienet tistipola li biex jieħdu ċ-ċittadinanza dawk li jixtru l-passaport ikunu jeħtieġu jinvestu fi proprjetà jew kirja u jinvestu. 

Il-Gvern preżenti dejjem iddefenda din l-iskema għax qal li hija bħal skemi oħrajn fl-UE, filwaqt li l-flus minn din l-istess skema jgħid li ntużaw għal diversi għanijiet tajbin u soċjali. Fil-fatt, l-aħħar użu ta' dawn il-flus huwa biex jinxtraw każini tal-banda li jinsabu taħt mannara hekk kif is-sidien iridu l-kirja lura. 

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern approva l-abbozz ta’ test it-Tlieta b’61 vot favur, 3 kontra u 5 astensjonijiet.

L-MEPs enfasizzaw li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment, li taħthom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jiksbu drittijiet ta’ nazzjonalità bi skambju għal investiment, huma “oġġezzjonabbli mil-lat etiku, legali u ekonomiku, u jippreżentaw diversi riskji serji għas-sigurtà”. L-hekk imsejħa “passaporti tad-deheb” jimminaw l-essenza taċ-ċittadinanza tal-UE u għandhom jitneħħew gradwalment, huma jinsistu.

It-test jitlob li jiġi impost “perċentwal sinifikanti” fuq l-investimenti li jsiru, li jkompli jiġi impost waqt li ċ-ċittadinanza b'investiment (CBI) jitneħħa gradwalment, u indefinittivament għall-iskemi ta’ ‘residenza b’investiment’ (RBI), l-hekk imsejħa ‘viżi tad-deheb’.

Huma ddeploraw in-nuqqas ta’ proċeduri komprensivi ta’ skrutinju u li s-sistema attwali tippermetti applikazzjonijiet suċċessivi fi Stati Membri differenti, billi jiddependu fuq kontrolli mwettqa minn atturi mhux statali.

F'Malta per eżempju mhuwiex il-Gvern imma Henley and Partners li jieħdu ħsieb l-iskema. 

Regoli għal “viżi tad-deheb”

Filwaqt li jinnota d-differenza fil-gravità tar-riskji maħluqa mill-iskemi ta’ “residenza mill-investiment", l-abbozz ta’ rapport jitlob għal regoli komuni tal-UE biex jiġu armonizzati l-istandards u tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni u l-evażjoni tat-taxxa.

Għalhekk huma qed jitolbu li jsiru background checks profondi - inkluż fuq membri tal-familja u fuq sorsi ta’ fondi, kontrolli obbligatorji mas-sistemi tal-ġustizzja u l-affarijiet interni tal-UE, u proċeduri ta’ skrutinju f’pajjiżi terzi. Apparti dan qed jitolbu li jsiru obbligi ta’ rappurtar għall-Istati Membri, u rekwiżiti għar-residenza fiżika minima (għall-applikanti) u l-involviment attiv, il-kwalità, il-valur miżjud, u l-kontribuzzjoni għall-ekonomija għall-investimenti tagħhom.

Huma jipprevedu wkoll skema ta’ “notifika u konsultazzjoni” biex Stati Membri oħra jkunu jistgħu joġġezzjonaw għall-għoti ta’ ‘viża tad-deheb’.

'L-Istati Membri qed ibigħu dak li mhux tagħhom li jbigħu' - Sophie in't Veld

Il-MEPs qalu li jixtiequ jwaqqfu l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni li jużaw is-simboli tal-UE jew jindikaw il-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-UE, u jitolbu qafas ta’ sanzjonijiet.

It-test jitlob ukoll lill-Kummissjoni biex tagħmel pressjoni fuq pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE biex jabolixxu s-CBI tagħhom u jirriformaw l-iskemi tal-RBI tagħhom.

Ir-rapporteur Sophie in ‘t Veld mill-Partit Renew, qalet illi li tkun ċittadin jew resident tal-UE jifforma l-qalba ta’ dak li tinkorpora l-Unjoni: il-libertà u d-drittijiet. 

"Iċ-ċittadinanza hija dritt mhux komodità li tista’ tinxtara jew tinbiegħ. L-Istati Membri qed ibigħu dak li mhux tagħhom li jbigħu, filwaqt li jabbużaw mir-reputazzjoni tal-UE għall-gwadann. Dan il-kummerċ ċiniku qed ipoġġi s-sigurtà tagħna fil-periklu.”

Għalhekk issa fis-sessjoni plenarja li jmiss - bejn is-7 u l-10 ta Marzu li ġej l-MEPs se jiddiskutu u jivvutaw fuq dan ir-rapport. Jekk jiġi approvat mill-plenarja, il-Kummissjoni se jkollha bżonn tħejji proposta leġiżlattiva jew tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li ma tagħmilx dan.

Mill-inqas 130,000 persuna ħadu vantaġġ minn skemi  simili fl-UE bejn l-2011 u l-2019, li ġġeneraw aktar minn €21.8 biljun fi dħul għall-pajjiżi kkonċernati. 

Tliet Stati Membri għandhom skemi ta’ ċittadinanza tad-deheb il-Bulgarija - fejn il-gvern ressaq abbozz ta’ liġi biex itemm l-iskema, Ċipru li bħalissa jipproċessa biss applikazzjonijiet sottomessi qabel Novembru 2020 u Malta. Tnax-il Stat Membru għandhom skemi ta’ Viżas tad-Deheb, kollha b’ammonti u skemi diverġenti ta’ investiment, kif ukoll standards għall-kontrolli u l-proċeduri.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024