Il-Parlament Ewropew jagħti daharu lil Putin... Metsola tassigura li dan jinsab wara l-poplu Ukren

Il-Parlament Ewropew ifakkar l-20 sena mill-ħolqien tal-munita Ewro

Vladimir Putin
Vladimir Putin

Meta kienet qed tiftaħ il-Plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola għamiltha ċara: "Aħna ninsabu mal-Ukraina", fl-aktar espressjoni ċara tal-Parlament kontra l-President Russu Vladimir Putin. Metsola qalet illi l-kwistjoni tal-Ukraina u t-theddia tal-attakk fuq dan il-pajjiż mir-Russja se tkun qed tiddomina id-diskussjoni fil-Parlament Ewropew, bil-gruppi politiċi jaħdmu fuq dikjarazzjoni fuq din il-kwistjoni. Metsola, f'isem il-Parlament esprimiet solidarjetà mal-poplu Ukren u sostniet illi din il-kwistjoni kollha tfisser illi "l-Ewropa qed tiffaċċja theddid serju fuq paċi fi ħdanha." 

Metsola qalet illi l-poplu tal-Ukraina wera' li mhuwiex beżgħan u kien hawn li qalet illi l-pożizzjoni tal-Parlament hija ċara, jiġifieri li dan jinsab wara l-poplu Ukren, li tfakkar li huwa ċittadin ta' stat sovran li għandu jiddeċiedi waħdu, b'integrità sovrana u indipendenti. 

Metsola qalet illi l-Parlament lest jieħu azzjoni konkreta u spedita jekk is-sitwazzjoni tiddeterjora. 

Roberta Metsola
Roberta Metsola

U l-Parlament jfakkar l-20 sena mill-bidu tal-Ewro

Intant l-ewwel fuq l-aġenda kien l-anniversarju tal-20 sena mill-ħolqien tal-munita ewro, bil-President Metsola tfakar li hawn madwar 340 miljun persuna li tgħix f'pajjiżi fejn tintuża din il-munita u tgħid li dik ta' 20 sena ilu kienet "l-akbar bidla monetarja li qatt saret." Hija qalet illi xejn inqas minn 78% tal-Ewropej - skont sondaġġ tal-Ewrobarometru - jaqblu mal-ewro. "L-Ewro qed timbutta lill-Ewropa 'l quddiem, l-istabilità tal-ewro qed tagħmel lill-UE aktar attraenti." Metsola fakkret li ħafna ħlasijiet bejn il-fruntieri qed isiru bl-ewro. 

"L-ewro hija waħda mill-akbar kisbiet tal-UE u qed twassal għal aktar tkabbir fl-Unjoni Ewropea, kompettitività, stabbilità fil-prezzijiet u unjoni monetarja li qed twassal għal stabilità, identità u solidaretà."

Hija qalet illi meta l-ewro ffaċċjat diversi sfidi, kien hemm riformi tal-unjoni monetarja ewropea u li meta kien hemm il-problemi l-pajjiżi ħadmu flimkien biex joħolqu ekonomiji stabbli . "Aħna ħloqna soluzzjonijiet għal stati membri... adottajna €750 biljun fi pjan ta rkupru u dan kollu ma kienx ikun possibbli jekk mhux permezz tal-ewro. Nistgħu nikkontrobwixxu għal settur bankarju aktar b'saħħtu billi nsaħħu l-ewro" temmet tgħid il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola.

Warajha tkellmet Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew li nnutat kif l-integrazzjoni tal-Ewropa qed tinħass f'butna stess, "u l-fatt li għandna munita komuni jfisser li għandna impenn u identità komuni." Lagarde fakkret li meta mistoqsijin xi tfisser l-ewropa għall-ewropej, it-tieni ħaġa li l-aktar illi semmew kienet propja l-ewro.

"L-ewro qed tiffaċilità ħajjet in-nies. Waqt li jaħdmu u jivvjaġġaw u kif ukoll jagħmlu n-negozju," qalet Lagarde. Hija qalet illi bejn l-1990 u l-2002 it-tkabbir fil-kummerċ kien ta' 5%, filwaqt li wara l-ħolqien tal-ewro fl-2002 it-tkabbir fil-kummerċ żdied b'200%. Fakkret illi nofs il-Green Bonds kienu bl-ewro, filwaqt li għaddejja ħidma wkoll f'dak li jirrigwarda l-ewro diġitali. 

Intant il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijier Ekonomiċi Paolo Gentiloni saħaq li sar ħafna progress, b'19-il pajjiż membri taż-żona ewro u l-Kroazja u l-Bulgarija qal li bħalissa qed javvanzaw sew biex isiru membri wkoll.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024