Il-President tal-Parlament Ewropew tesprimi tħassib dwar ir-rata baxxa ta' tilqim f'xi pajjiżi tal-UE

Roberta Metsola tesprimi tħassib ukoll dwar il-fatt li ħafna nisa madwar l-Unjoni Ewropea għadhom jitħallsu inqas mill-irġiel, minkejja li jkunu fl-istess impjieg...

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola
Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola

Meta kienet qed tipparteċipa f'intervista b'mistoqsijiet mill-membri tal-pubbliku l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sostniet illi madwar l-Unjoni Ewropea hemm bżonn aktar għarfien dwar it-tilqim tal-vaċċin kontra l-Covid-19, hekk kif esprimiet tħassib għall-fatt li r-rata ta' tilqim tibqa' waħda pjuttost baxxa f'diversi pajjiżi. "Ħadd mhu sigur sakemm kulħadd huwa sigur," sostniet Metsola li qalet ukoll li l-Parlament Ewropew jeħtieġ jieħu t-tmexxija fuq din il-kwistjoni. 

Fil-fatt mistoqsija dwar is-saħħa pubblika li f'sondaġġ tal-Ewrobarometru jirriżulta li hija l-akbar tħassib fost l-ewropej, hija qalet li s-saħħa hija prijorità u l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, anke permezz tal-Parlament Ewropew, ingħaqdu f'forza waħda fuq il-vaċċin, l-għoti tal-vaċċin u t-tqassim tiegħu madwar il-kontinent. "U dan għamilnih sabiex ħadd, jgħix fejn jgħix, 'il bogħod kemm jgħix 'il bogħod mill-kapitali ta' pajjiżu jew minn Strasburgu/Brussell ma jkun nieqes mill-aċċess ugwali għas-servizzi."

Dwar il-bidla fil-klima Metsola ammettiet illi l-Unjoni qatt mhi se tkun qed tagħmel biżżejjed, "għaliex hawnhekk emerġenza għandna u l-bidliet ma nistgħux inħalluhom għall-ġenerazzjoni tal-futur, imma rridu nilqgħu għalihom mil-lum." Hija sostniet li pajjiżi bħal Malta - imdawwrin bil-baħar - diġà bdew jaraw aktar l-effetti tal-bidla fil-klima u tisaħq li l-Parlament Ewropew qed ikun ambizzjuż u riesaq dejjem aktar qrib tragwardi ġodda f'dan il-qasam. 

Dwar il-faqar il-President tal-Parlament Ewropew fakkret illi l-pandemija ħalliet effetti fuq is-saħħa mentali, ħalliet effetti fuq nisa li tilfu xogħolhom u qed isibuha diffiċli jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol u żdiedu l-każi ta' vjolenza domestika. 

Hija fakkret li dwar il-pandemija l-Parlament Ewropew approva ammont bla preċedent ta' fondi fil-pakkett ta' Rkupru u Reżiljenza bi flus sejrin għall-irkurpru ekonomiku, miżuri soċjali u fondi oħrajn investiti fit-tibdil tal-klima u t-trasformazzjoni diġitali. 

Metsola fakkret illi fost l-ewwel affarijiet li għamlet meta inħatret MEP kien li bdiet taħdem fuq roadmap kontra l-omofobija u tisħaq illi kieku dakinhar xi ħadd kien jgħidilha kemm il-Parlament Ewropew se jagħmel progress u kemm dan se jkun ivvutat b'maġġoranzi daqstant kbar, lanqas kienet temmen. "Huwa grazzi għal dawk il-politiċi kuraġġużi li kissru l-ostakli, li dawn il-bidliet setgħu jseħħu. Dan il-Parlament kien voċiferu kontra LGBTIQ-free zones fil-Polonja," qalet Metsola. Hija kompliet tgħid li l-Parlament u l-UE jeħtieġ jibqgħu josservaw u jimbuttaw 'il quddiem il-libertajiet, fosthom li persuna jkollha d-dritt li tħobb lil min trid hi. 

Mistoqsija dwar l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa l-President tal-Parlament Ewropew esprimiet tħassib li ħafna nisa madwar l-UE kollha għadhom jitħallsu inqas mill-irġiel. "L-UE jeħtieġ tieħu azzjoni... u jiena kommessa li jkun hemm ugwaljanza bejn il-ġeneri u rappreżentanza ugwali wkoll."

Dwar id-drittijiet riproduttivi tal-mara - suġġett li kienet mistoqsija dwarha  diversi drabi fil-ġurnata li kienet eletta President - Metsola sostniet illi l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew hija ċara u allura li dawn id-drittijiet għandhom jitgawdew u jiġu rispettati kullimkien. Qalet li għalkemm din hija materja ta' kompetenza nazzjonali stati membri jeħtieġ jaħdmu iktar mill-qrib fuq din il-materja. 

Dwar il-Parlament innifsu Roberta Metsola sostniet li dan għandu jsir iktar effiċjenti u effettiv. "Kien hemm żmien fejn dan il-Parlament kien meqjus biss bħala istituzzjoni li tagħti l-kunsens u li tiffirma l-liġijiet... illum sirna ko-leġiżlaturi u rridu nimbuttaw dan l-irwol u naraw li nilleġiżlaw skont dak li jixtiequ ċ-ċittadini. Irridu naħdmu aktar fuq il-klima, fuq is-saħħa imma rridu nkunu wkoll aktar konsistenti u koerenti fuq il-politika barranija, speċjlament meta nirċievu messaġġi ta' ċittadini tal-UE li jħossuhom mhedda minn pajjiżi ġirien li mhumiex membri tal-UE. 

"Id-diżinformazzjoni u l-miżinformazzjoni qed isiru dejjem aktar tanġibbli, qed jinfluwenzaw dejjem aktar l-elezzjonijiet, ixerrdu aħbarijiet foloz u jiddistabilizzaw Gvernijiet. Irridu niġġieldu din in-narrativa," saħqet Metsola li tat eżempju ta' stqarrijiet li l-enerġija qed togħla minħabba l-Green Deal Ewropew. "Dan irridu niġġilduh," sostniet Metsola. 

Mistoqsija x'tgħid lin-nisa li qed jaraw l-intervista u li forsi jitħajru għall-politika hija kellha messaġġ ċar: "Kunu ċerti li l-vuċi tiegħek tinstema', qatt tistenna lil ħaddieħor, jitkellem għalik. Inti fejn int - qed taħdem, qegħda l-iskola, qegħda tivvjaġġa jew tinsab ix-xogħol - kun ċerta li l-vuċi tiegħek tinstema'."

Naturalment Metsola ma setgħetx ma ssemmix ukoll lil pajjiżna u għall-mistoqsija tal-intervistaturi hija qalet li Malta hija gżira kburija li ħadmet bla waqfien biex tkun ugwali ma' pajjiżi ikbar. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024