'Id-dipendenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq ftit fornituri ta’ servizzi diġitali ġġib magħha riskji kbar'

Il-MEP Laburista Alfred Sant saħaq li d-dipendenza fuq numru żgħir ħafna ta’ fornituri ġġorr riskji kbar, mhux biss għall-Big Data u l-Cloud

Alfred Sant
Alfred Sant

Waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar iċ-Ċibersigurtà fil-Banek organizzata fi Brussell mill-World Savings and Retail Banking Institute (WSBI) u l-European Savings and Retail Banking Group (ESBG), Alfred Sant qal li “tiddiskuti l-Big Data u l-Cloud huwa bħal meta titkellem dwar membri esklussivi ta’ klabb”.

Huwa wissa li l-omnipreżenza ta’ numru ta’ softwares u applikazzjonijiet tal-kompjuter li jikkontrollaw is-suq tal-cloud fl-Unjoni Ewropea hija kawża ta’ tħassib minħabba kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, sostenibbiltà, stabbiltà u sigurtà. Sant qal li minkejja l-azzjonijiet politiċi u legali meħuda kontra dawn il-ġganti teknoloġiċi, is-sentiment komuni huwa li la l-gvern u lanqas il-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea ma jistgħu jikkontrollaw l-azzjonijiet tagħhom.

Il-konferenza dwar iċ-Ċibersigurtà fil-Banek ġiet organizzata biex tiddiskuti l-aħħar theddid diġitali u modi kif dawn jistgħu jiġu ttrattati, dawn jinkludu soluzzjonijiet avvanzati f’sejbien ta’ malware, firewalling, prevenzjoni tal-intrużjoni, skoperta ta’ frodi u rispons għall-inċidenti. Sant ħa sehem f’sessjoni dwar il-Big Data u l-Cloud u ffoka primarjament fuq il-perspettiva regolatorja tal-kwistjoni.

Il-MEP Laburista saħaq li d-dipendenza fuq numru żgħir ħafna ta’ fornituri ġġorr riskji kbar, mhux biss għall-Big Data u l-Cloud. Huwa staqsa: X'jiġri jekk waħda minn dawn il-clouds tisparixxi matul il-lejl? Tqajjem kriżi ekonomika sħiħa? Għaliex ma mmorrux għal fornituri alternattivi?

“Wieħed jeħtieġ tassew jevita r-riskji ta’ konċentrazzjoni u jtaffi d-dipendenza fuq grupp żgħir ta’ fornituri għax dan jista’ jipperikola l-istabbiltà finanzjarja. Falliment katastrofiku ta’ cloud li fuqha jiddependu firxa ta’ banek jew istituzzjonijiet ta’ kreditu jista’ jxekkel mhux entità waħda biss iżda parti kbira mill-industrija” sostna Sant. Lil hinn minn dan, huwa enfasizza wkoll li l-ġganti teknoloġiċi mhux Ewropej m'għandhomx ikunu l-uniċi kontrollaturi tal-għarfien u l-ġestjoni taċ-ċibersigurtà fi żmien meta l-attakki ċibernetiċi qed jikbru.

Waqt li tkellem dwar ir-Reżiljenza Operattiva Diġitali għas-Settur Finanzjarju (DORA) li tagħha huwa relatur (rapporteur) għall-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, Sant sostna li DORA tobbliga lill-ġganti teknoloġiċi li jipprovdu servizzi kritiċi biex ikollhom impriża sħiħa stabbilita taħt liġi tal-kumpaniji tal-Unjoni Ewropea. Dan se jżid ir-responsabbiltà taħt il-Liġi tal-Unjoni Ewropea fost il-fornituri tal-cloud li mhumiex Ewropej. DORA għandha wkoll twitti t-triq għal spezzjonijiet fuq il-fornituri tal-cloud li fuqhom il-Kummissjoni Ewropea se jkollha s-setgħa li tagħti struzzjonijiet, żied jgħid.

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024