Cyrus Engerer appuntat negozjatur fuq żewġ derogi importanti għal Malta dwar il-mediċini mir-Renju Unit

Dawn iż-żewġ derogi huma essenzjali għal Malta, hekk kif mediċini li huma prodotti fir-Renju Unit, bir-regoli tal-Brexit mhux ser jibqgħu aċċessibli għall-bejgħ fis-suq Ewropew, inkluż f’Malta

Cyrus Engerer
Cyrus Engerer

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer għadu kif ġie appuntat bħala n-negozjatur tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, fuq żewġ derogi relatati mal-bejgħ ta’ mediċini Brittaniċi lejn Malta, l-Irlanda u Ċipru. 

"Inħossni onorat li l-kollegi mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għoġobhom jafdawni biex ninnegozja l-pożizzjoni tagħhom fuq dawn iż-żewġ derogi, u wisq aktar fuq il-fatt li ser inkun qed naħdem direttament fuq kwistjoni li hija tant importanti u kruċjali għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin,’ ikkummenta Engerer wara li rċieva l-aħbar dwar dawn iż-żewġ ħatriet.

Dawn iż-żewġ derogi huma essenzjali għal Malta, hekk kif mediċini li huma prodotti fir-Renju Unit, bir-regoli tal-Brexit mhux ser jibqgħu aċċessibli għall-bejgħ fis-suq Ewropew, inkluż f’Malta. Madankollu, Malta flimkien ma Ċipru u l-Irlanda, minn dejjem kellhom dipendenza fuq mediċini Brittaniċi, u għaldaqstant permezz ta’ dawn iż-żewġ derogi, ser ikun assigurat b’mod temporanju li dawn il-pajjiżi mhumiex ser ibatu minn nuqqas ta’ provista ta’ mediċini.

"Dejjem sħaqt li kull meta ċittadin jidħol ġo spiżerija, għandu jkollu s-serħan il-moħħ li ser ikollu aċċess għall-mediċina li jaf, imdorri juża u li jafda,’ kompla Engerer. "Allura, ma nistgħx nħallu ċ-ċittadini tagħna jbatu l-konsegwenzi tal-Brexit fuq prodotti daqshekk essenzjali”, saħaq Engerer. 

Huwa wiegħed li matul il-ġimgħat li ġejjin se jkun qiegħed jaħdem b’mod dirett ma’ sħabu mill-partiti politiċi l-oħrajn fil-Kumitat tas-Saħħa biex jintlaħaq qbil sodisfaċenti għaċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024