Filmat | 'Se nisimgħu, se nitgħallmu u se nieħdu azzjoni' - Metsola dwar in-nisa fl-Afganistan

... u Angelina Jolie tfaħħar il-kuraġġ ta' dawk in-nisa fl-Afganistan li qed jiffaċċjaw oppressjoni soċjali u politika dejjem tikber

Ritratt tal-Parlament Ewropew (Daina LE LARDIC)
Ritratt tal-Parlament Ewropew (Daina LE LARDIC)

Din il-ġimgħa bejn l-1 u t-2 ta' Frar ġiet organizzata attività fil-Parlament Ewropew li tfakkar lin-nisa Afgani bil-għan li titqajjem kuxjenza Ewropea dwar il-qagħda tagħhom. F'diskors tal-okkażjoni il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola sostniet illi l-Parlament qed jisma' lil dawn in-nisa, qed jitgtħallem mingħandhom u se jieħu azzjoni. "In-nisa li b'imħabba lejn pajjiżhom kienu qed jikkontribwixxu għall-kultura u l-ħajja Afgana, issa qed jinbigħu, imħassrin mill-ħajja pubblika, ħajjithom mhedda, uħud minnhom eżiljati imma ħafna oħrajn li ma jistgħux jaħarbu qed iħarsu b'disperazzjoni lejn il-futur tagħhom fl-Afganistan," sostniet Metsola. 

Hija kompliet tgħid li dak li seħħ is-sena l-oħra meta t-Taliban ħadu l-kontroll tal-Afganistan kien inkwetanti ħafna u wegħdet lin-nisa Afgani - b'uħud saħansitra preżenti fil-Parlament - li l-Parlament Ewropew se jaħdem biex jgħin lil dawk li qed ikollhom jaħarbu minn djarhom. "Nerġa' nirrepeti l-appoġġ ta' din il-Kamra lin-nisa Afgani," qalet Metsola. 

Il-President tal-Parlament Ewropew fakkret kif it-Taliban wegħdu l-bidla, ir-rispett lejn id-drittijiet tan-nisa u inqas animożità. "Imma minflok qed nassistu għal soċjetà mimlija ħajja li nieżla 'l isfel," qalet Metsola li sostniet ukoll illi s-sitwazzjoni tad-drittijiet ċivili hija ħażina ferm f'dan il-pajjiż. Hija fakkret li tneħħa l-aċċess tan-nisa għall-qasam tas-saħħa u anke l-parteċipazzjoni fil-ħajja pubblika, qed jisparixxew nisa attivisti u kull min jipprotesta qed jiffaċċja reazzjoni vjolenti. 

"Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, il-parteċipazzjoni fid-deċiżjonijiet, l-aċċess għall-qasam tas-saħħa... iridu jkunu talbiet lill-mexxejja de facto tal-Afganistan," sostniet Metsola. Hija tfakkar li d-drittijiet tan-nisa u l-libertà tal-midja, fost oħrajn, huma aspetti kruċjali fil-valuri Ewropej u sostniet li l-Parlament Ewropew huwa kommess lejn il-poplu tal-Afganistan u mhux lejn il-mexxejja tal-Afganistan.

Ftit wara Metsola tkellmet l-attriċi internazzjonali Angelina Jolie li faħħret il-kuraġġ tan-nisa Afgani li kellhom imorru lura x-xogħol meta l-kollegi tagħhom ikunu għadhom kif ġew assassinati jew inkella meta sħabhom ikunu qegħdin fi żwieġ abbużiv. 

Il-ħidma tal-Parlament Ewropew fuq il-kwistjoni tan-nisa Afgani

Il-Parlament Ewropew għaddej b'ħidma sabiex jindirizza dak li jsejjaħ "Is-sitwazzjoni dejjem tiddeterjora" tan-nisa fl-Afganistan.

F'Awwissu tas-sena l-oħra il-Parlament Ewropew kien sejjaħ għal protezzjoni taċ-ċittadini Afgani f'pajjiżhom stess, speċjalment drittijiet tan-nisa. Il-maġġoranza tan-nisa mhumiuex jitħallew jirritornaw fuq il-postijiet tax-xogħol, skejjel u universitajiet. Dan apparti l-fatt li l-Parlament Ewropew qed jara li l-ebda mara mhi se tkun parti mit-tmexxija tal-Afganistan u "qed tintuża forza letali kontra d-drittijiet tan-nisa."

"Għall-maġġoranza tan-nisa u tfajliet Afgani it-tmexxija tat-Taliban tfisser oppressjoni sistematika u brutali fl-aspetti kollha tal-ħajja," qalet Evelyn Regner li tmexxi il-Kumitat Parlamentari għad-Drittijiet tan-Nisa. "F'żoni kkontrollati mit-Taliban l-universitajiet tan-nisa ġew magħluqa, tfajliet mhumiex qed jitħallew jaċċessaw l-edukazzjoni u nisa huma mibjugħa bħala skjavi tas-sess." 

B'kollox il-pajjiżi Ewropej evakwaw 22,000 persuna Afgana, inkluż nisa, ġurnalisti, membri tas-soċjetà ċivii, attivisti, pulizija, professjonisti, imħallfin  u uffiċjali tal-infurzar. 

Matul il-Laqgħa tal-G20 f'Ottubru 2021 il-Kummissjoni Ewropea ħabbret pakkett ta' biljun ewro sabiex jiġu mgħejjuna nies Afgani u pajjiżi madwar l-Afganistan. L-UE qed tittama li tistabilixxi preżenza diplomatika f'Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, filwaqt li l-UE qalet illi lesta titkellem mat-Talibani sakemm dawn jirrispettaw id-drittijiet umani, dawk tan-nisa u jistabbilixxu Gvern rappreżentattiv u inklussiv.  

Matul Awwissu tal-2021 il-Membri Parlamentari Ewropej kienu appellaw lill-awtoritajiet Afgani biex jirrispettaw id-drittijiet umani u l-kisbiet tan-nisa Afgani matul 20 sena fil-qasam tadd-drittijiet tan-nisa u tfajliet, id-dritt tal-edukazzjoni, ta' kura tas-saħħa u l-iżvilupp ekonomiku. F'riżoluzzjoni imbagħad f'Settembru 2021 il-Parlament kien sejjaħ għall-kooperazzjoni fuq l-evakwazzjoni ta' Afgani u li jkunu stabbiliti kurituri umanitarji biex ikunu mgħejjuna refuġjati li qed ifittxu il-protezzjoni f'pajjiżi ġirien. 

L-MEPs sejħu wkoll għal Visa Speċjali għal nisa Afgani li qed ifittxu protezzjoni. F'Ottubru 2021 il-Kumitati għad-Drittijiet tan-Nisa u d-delegazzjoni għar-relazzjoni mal-Afganistan organizzaw laqgħa ma' ħames nisa li taw xhieda dwar is-sitwazzjoni tan-nisa taħt it-Taliban u ddiskutew dak li qed jistennew mingħand l-UE. 

Fl-2021 ukoll 11-il mara Afgana kienu nnominati mill-Parlament għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb sabiex il-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom ikunu onorati. 

 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024