'L-UE għandha tibqa' magħquda quddiem l-attentati tal-Kremlin biex tiġi mminata s-sigurtà Ewropea'

Il-Parlament Ewropew wera' solidarjetà mal-poplu Ukren u delegazzjoni tal-istess Parlament tisħaq li l-attakki fuq l-Ukraina huma kkunsidrati bħala attakk fuq is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea 

Suldati Ukreni
Suldati Ukreni

Fil-bidu ta' din il-ġimgħa delegazzjoni tal-ogħla livell mill-Parlament Ewropew, li għamlet żjara fl-Ukraina li bħalissa tinsab f'nofs kriżi politika, weriet l-appoġġ assolut tal-Parlament lejn l-indipendenza tal-Ukraina, is-sovranità tagħha u l-integrità territorjali tal-pajjiż, kif ukoll id-dritt li dan il-pajjiż jagħmel l-alleanzi li jixtieq u anke arranġamenti ta' sigurtà. 

Il-Parlament Ewropew wera' solidarjetà mal-poplu Ukren u din id-delegazzjoni kienet parti estensiva minn sforz diplomatiku kkoordinat sabiex tonqos it-tensjoni u jkunu evitati konsegwenzi diżastrużi kif ukoll possibbilment kunflitt armat. 

Iktar minn hekk id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew qed tisħaq illi l-attakki fuq l-Ukraina huma kkunsidrati bħala attakk fuq is-sigurtà tal-Unjoni Ewropea u allura huwa "attakk sistematiku mir-Russja biex toħloq firda fl-Ewropa u bejn l-Ewropej u l-Istati Uniti, qalu l-MEPs li kienu parti minn din id-delegazzjon. Id-disa' membri mill-Kumitat Parlamentari għall-Kumitat u d-Difiża kienu mmexxija minn David McAllister mill-Partit Popolari Ewropew u Nathalie Loiseau mir-Renew. 

Il-Parlament sostna li huwa essenzjali li l-UE tibqa' magħquda fil-kundanna tagħha lejn ir-Russja u "l-intimidazzjoni kontra l-Ukraina quddiem l-attentati tal-Kremlin biex tiġi mminata s-sigurtà u d-demokrazija fl-UE." Il-Parlament jisħaq li għandu rwol x'jilgħab f'din l-għaqda meħtieġa u fi stqarrija sostna li jekk ir-Russja tieħu passi militari kontra l-Ukraina għandha tagħti rispons mill-aktar b'saħħtu. 

Apparti il-belt ta' Kyiv id-delegazzjoni żaret il-belt ta' Mariupol, li hija port strateġiku viċin ir-Russja. 

Mc Allister qal illi dak li rat id-delegazzjoni qajla jista' jagħti assigurazzjoni, għalkemm sostna li d-delegazzjoni kienet impressjonata bil-kuraġġ, id-determinazzjoni u r-reżiljenza tal-poplu Ukren li jgħix fir-reġjun. "Il-Parlament Ewropew huwa determinat li jilgħab l-irwol sħiħ tiegħu permezz tad-diplomazija sabiex nikkomunikaw pożizzjoni Ewropea magħquda u billi nuru solidarjetà mal-poplu Ukren," sostna David Mc Allister.

Loiseau qalet ukoll li ż-żjara f'Mariupol saret fil-kuntest ta' preparazzjonijiet militari u preżenzi navali Russa, kif ukoll fid-dawl tal-attakki hybrid, inkluż dawk ċibernatiċi. 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024