Il-Parlament Ewropew b'abbozz ta' miżuri li jistabbilixxu responsabilitajiet għal kumpaniji tal-midja soċjali

It-test approvat mill-Parlament b530 vot favur, 78 kontra u 80 astensjoni, se jintuża bħala l-mandat għan-negozjati mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, li qed tirrappreżenta l-Istati Membri

Il-Membri Parlamentari Ewropej qablu fuq abbozz ta' miżuri biex jindirizzaw il-kontenut illegali online, jiżguraw li l-pjattaformi jinżammu responsabbli għall-algoritmi tagħhom u jtejbu l-moderazzjoni tal-kontenut.

It-test approvat mill-Parlament b530 vot favur, 78 kontra u 80 astensjoni, se jintuża bħala l-mandat għan-negozjati mal-Presidenza Franċiża tal-Kunsill, li qed tirrappreżenta l-Istati Membri.

Il-proposta tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) tiddefinixxi responsabbiltajiet ċari u obbligu ta' rendikont għall-fornituri ta' servizzi intermedjarji, u b'mod partikolari għall-pjattaformi online, bħall-media soċjali u s-swieq online.

Id-DSA jistabbilixxi mekkaniżmu ta' "avviż u azzjoni", kif ukoll salvagwardji, għat-tneħħija ta' prodotti, servizzi jew kontenut online illegali. Malli jirċievu avviż bħal dan, il-fornituri ta' servizzi ta' hosting għandhom jaġixxu "mingħajr dewmien żejjed, filwaqt li jqisu t-tip ta' kontenut illegali li jkun qed jiġi nnotifikat u l-urġenza li tittieħed azzjoni". Il-MEPs inkludew ukoll salvagwardji iktar b'saħħithom biex jiżguraw li l-avviżi jiġu pproċessati b'mod li ma jkunx arbitrarju u diskriminatorju u b'rispett tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

Huma jgħidu li s-swieq online jridu jiżguraw li l-konsumaturi jistgħu jixtru prodotti sikuri online filwaqt li jissaħħaħ l-obbligu li jiġu ttraċċati n-negozjanti (il-prinċipju "kun af lill-klijent tiegħek").

Obbligi addizzjonali għal pjattaformi kbar ħafna

Pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) se jkunu soġġetti għal obbligi speċifiċi peress li hemm ir-riskju li jxerrdu kontenut kemm illegali kif ukoll ta' ħsara. Id-DSA jgħin jindirizza l-kontenut ta' ħsara (li jaf ma jkunx illegali) u t-tixrid tad-diżinformazzjoni billi jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji obbligatorji, il-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji, awditi indipendenti u t-trasparenza tal-hekk imsejħa "sistemi ta' rakkomandazzjoni" (algoritmi li jiddeterminaw x'jaraw l-utenti).

Il-Parlament introduċa diversi bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni, inkluż dwar:

  • l-eżenzjoni tal-intrapriżi mikro u żgħar minn ċerti obbligi tad-DSA;
  • Reklamar immirat: it-test jipprevedi għażla aktar trasparenti u infurmata għal dawk kollha li jirċievu servizzi diġitali online, inkluża informazzjoni dwar kif id-data tagħhom se tiġi monetizzata. Ir-rifjut tal-kunsens m'għandux ikun aktar diffiċli jew jieħu aktar ħin għall-persuna mill-għoti ta’ kunsens. Jekk il-kunsens tagħhom jiġi rrifjutat jew irtirat, il-persuni għandhom jingħataw għażliet oħra biex jaċċessaw il-pjattaforma online, inklużi “għażliet ibbażati fuq reklamar mingħajr intraċċar”;
  • It-tekniki ta’ mmirar jew amplifikazzjoni li jinvolvu d-data ta’ minorenni għall-fini tal-wiri tar-reklami ser ikunu pprojbiti, kif ukoll l-immirar ta’ individwi abbażi ta’ kategoriji speċjali ta’ data li jippermettu li jiġu mmirati gruppi vulnerabbli;
  • il-kumpens: ir-riċevituri ta' servizzi diġitali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom iridu jkunu jistgħu jitolbu kumpens għal kull dannu li jirriżulta meta l-pjattaformi ma jirrispettawx l-obbligi tad-diliġenza dovuta tagħhom;
  • il-pjattaformi online għandhom jiġu pprojbiti milli jużaw tekniki li jqarrqu jew iħeġġu lill-utenti u li jinfluwenzaw l-imġiba tagħhom permezz ta' dark patterns;
  • għażla ikbar dwar il-klassifikazzjoni bbażata fuq l-algoritmi: Il-VLOPs għandhom jipprovdu mill-inqas sistema waħda ta' rakkomandazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq it-tfassil ta' profili.
  • Emendi ulterjuri approvati fil-plenarja huma relatati mal-ħtieġa li l-fornituri, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jirrispettaw il-libertà tal-espressjoni u l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, kif ukoll dispożizzjoni ġdida dwar id-dritt tal-użu u l-ħlas għas-servizzi diġitali b’mod anonimu 

Ewropej Funded by the European Union

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizzjattiva ta' tlett organiżazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta' kuljum. Dan l-artiklu jirrefletti l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista' jsir mill-informazzjoni hawn provduta.

More in Ewropej 2024