X’inhuma l-elezzjonijiet każwali u l-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru? Kif se jinbidel il-Parlament wara l-elezzjoni?
Wara li ġew konfermati r-riżultati tal-elezzjoni ġenerali, il-proċess elettorali għadu ma ntemmx. Issa jmiss il-fażi tal-elezzjonijiet każwali u, l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru. Dawn iż-żewġ proċessi jistgħu jwasslu biex membri ġodda jidħlu fil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin.
minn Jaelle Borg
Għalkemm ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali issa huwa magħruf, il-kompożizzjoni finali tal-Parlament għadha mhijiex kompletament stabbilita. Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew l-elezzjonijiet każwali, proċess li jista’ jwassal biex diversi kandidati li ma ġewx eletti fl-ewwel fażi tal-għadd tal-voti jidħlu fil-Parlament.
L-elezzjonijiet każwali jsiru meta kandidat jiġi elett minn aktar minn distrett wieħed. Peress li l-kandidati jistgħu jikkontestaw fuq żewġ distretti elettorali, dawk li jiġu eletti fuq it-tnejn iridu jagħżlu siġġu wieħed biss u jċedu l-ieħor.
Meta siġġu jiġi vakanti, il-Kummissjoni Elettorali torganizza elezzjoni każwali fuq dak id-distrett sabiex timtela l-vakanza. F’dan il-proċess, il-kandidati mhux eletti ta’ dak il-partit fuq id-distrett ikkonċernat jibdew mill-ġdid, mingħajr ma jinżammu l-voti tal-ewwel għadd.
Il-Partit Laburista diġà ddeċieda
Il-Partit Laburista diġà ddeċieda liema siġġijiet se jiġu ċeduti mid-deputati tiegħu eletti fuq żewġ distretti.
Id-deċiżjoni ttieħdet permezz ta’ vot sigriet waqt l-ewwel laqgħa tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit wara l-elezzjoni.
B’riżultat ta’ dan, se jsiru elezzjonijiet każwali fuq tmien distretti differenti.
Il-Prim Ministru Robert Abela, li ġie elett fuq it-2 u l-5 distrett, se jċedi s-siġġu tiegħu fuq it-2 distrett.
Chris Fearne se jċedi s-siġġu tiegħu fuq it-3 distrett, filwaqt li Ian Borg se jċedi dak tas-7 distrett.
Clyde Caruana se jċedi s-siġġu miksub fuq it-8 distrett.
Clifton Grima u Michael Falzon, li t-tnejn ġew eletti fuq id-9 u l-10 distretti, se jċedu s-siġġijiet tagħhom fuq id-9 distrett.
Miriam Dalli se ċċedi s-siġġu tagħha fuq il-11-il distrett, filwaqt li Jonathan Attard se jċedi dak tat-12-il distrett.
Dawn il-vakanzi se jiftħu l-bieb għal kandidati oħra Laburisti li sfaw viċin l-elezzjoni biex issa jingħataw opportunità jidħlu fil-Parlament.
X’se jiġri fil-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista kkonferma uffiċjalment li se jsiru seba’ elezzjonijiet każwali mifruxa fuq ħames distretti wara li diversi kandidati ġew eletti minn żewġ distretti differenti.
Skont l-istatut tal-partit, kandidat elett fuq żewġ distretti għandu jċedi wieħed mis-siġġijiet tiegħu. Il-PN ħabbar li elezzjonijiet każwali se jsiru fuq it-12-il distrett, it-3 distrett, il-5 distrett, żewġ elezzjonijiet fuq l-10 distrett u żewġ elezzjonijiet oħra fuq is-7 distrett.
Il-kandidati eletti fuq żewġ distretti li se jċedu siġġu huma Alex Borg, Stephen Spiteri, Mark Anthony Sammut, Conrad Borg Manche, Adrian Delia, Rebekah Borg u Joe Giglio.
Dan ifisser li fuq it-12-il distrett se ssir elezzjoni każwali wara li Alex Borg iżomm is-siġġu tiegħu ta’ Għawdex. Fuq it-3 distrett se tinfetaħ elezzjoni każwali wara li Stephen Spiteri jċedi wieħed mis-siġġijiet tiegħu, filwaqt li fuq il-5 distrett se ssir elezzjoni każwali wara li Conrad Borg Manche jċedi s-siġġu tiegħu hemmhekk.
Żewġ elezzjonijiet każwali se jsiru wkoll fuq is-7 distrett wara li Adrian Delia u Rebekah Borg jċedu s-siġġijiet tagħhom hemmhekk, filwaqt li fuq l-10 distrett se jsiru żewġ elezzjonijiet każwali oħra wara li Joe Giglio u Mark Anthony Sammut iċedu s-siġġijiet tagħhom.
L-elezzjonijiet każwali se joffru opportunità oħra lill-kandidati Nazzjonalisti li ma ġewx eletti fl-ewwel stadju tal-għadd biex jikkompetu għas-siġġijiet vakanti.
Kif jaħdmu l-elezzjonijiet każwali?
Kuntrarjament għal dak li jaħsbu ħafna, il-kandidati ma jżommux il-voti li jkunu kisbu waqt l-elezzjoni ġenerali.
Meta ssir elezzjoni każwali, il-kandidati eleġibbli jibdew mill-ġdid u jiġu kkunsidrati biss it-trasferimenti tal-voti relatati ma’ dak is-siġġu vakanti.
Dan ifisser li kandidat li kien kiseb aktar voti fl-elezzjoni ġenerali mhux neċessarjament ikun favorit biex jirbaħ l-elezzjoni każwali.
Il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru
Wara li jitlestew l-elezzjonijiet każwali, jista’ jidħol fis-seħħ ukoll il-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru, li ġie introdott għall-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2022.
Dan il-mekkaniżmu nħoloq biex jindirizza n-nuqqas ta’ rappreżentanza tan-nisa fil-Parlament Malti.
Ir-regoli jipprovdu li jekk wieħed mis-sessi jkun jirrappreżenta inqas minn 40% tal-membri parlamentari eletti, jistgħu jiżdiedu sa 12-il siġġu parlamentari ġdid, b’massimu ta’ sitt siġġijiet għal kull naħa tal-Kamra.
Madankollu, il-mekkaniżmu japplika biss meta fil-Parlament jiġu eletti żewġ partiti politiċi biss u għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ 20 sena.
Il-proċess iseħħ f’żewġ stadji.
Fl-ewwel stadju jiġu identifikati kandidati tal-ġeneru sottorappreżentat li kienu viċin li jiġu eletti fl-aħħar għadd tal-voti.
Fit-tieni stadju titfassal klassifika tal-kandidati mhux eletti skont il-persentaġġ tal-kwota li jkunu kisbu fl-aħħar għadd tagħhom.
Minn hemm jintgħażlu dawk li jidħlu fil-Parlament permezz tal-mekkaniżmu.
Il-kompożizzjoni finali għadha trid tkun magħrufa
Għalhekk, minkejja li l-elezzjoni ġenerali ntemmet u l-maġġoranza parlamentari hija magħrufa, il-formazzjoni finali tal-Kamra tar-Rappreżentanti għadha mhijiex stabbilita kompletament.
L-elezzjonijiet każwali mistennija jdaħħlu uċuħ ġodda fil-Parlament, filwaqt li l-mekkaniżmu korrettiv tal-ġeneru jista’ jżid aktar membri biex jiġi żgurat bilanċ akbar bejn l-irġiel u n-nisa fil-politika Maltija.
Il-ġimgħat li ġejjin għalhekk se jkunu kruċjali biex tkun magħrufa l-kompożizzjoni definittiva tal-Parlament li se jmexxi lill-pajjiż matul il-leġiżlatura li jmiss.
