Alex Borg jagħlaq il-kampanja b’appell għal “bidu ġdid” waqt mass meeting fil-Luxol

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg appella lill-votanti biex jagħżlu “bidu ġdid” għall-pajjiż, hekk kif il-PN għalaq il-kampanja elettorali tiegħu b’mass meeting fil-Luxol Grounds

Il-Partit Nazzjonalista għalaq uffiċjalment il-kampanja elettorali tiegħu b’mass meeting fil-Luxol Grounds, fejn eluf ta’ partitarji nġabru biex jisimgħu lill-Kap tal-PN Alex Borg jindirizzahom jumejn biss qabel il-votazzjoni tas-Sibt.

Borg tela’ fuq il-palk flimkien mas-sieħba tiegħu Sarah Bajada fost ċapċip qawwi u għajjat ta’ “Nazzjonalisti” mill-folla preżenti.

Fl-ewwel kliem tiegħu, Borg qal li l-PN mexxa kampanja “pożittiva”, iffukata fuq il-kwalità tal-ħajja u fuq kif jinbena pajjiż aktar reżiljenti.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel referenza partikolari għall-“middle class li taħdem iebes”, u qal li ħafna nies ħadmu, ħallsu t-taxxi u għamlu sagrifiċċji iżda fl-aħħar snin ħassewhom “mgħaffġa”.

“Lil dawn in-nies irridu nagħtuhom bidu ġdid,” qal Borg.

“Hemm bżonn nagħmlu l-ħolma tagħhom il-viżjoni tagħna.”

Borg irrefera wkoll għal persuni vulnerabbli u dawk bi dħul baxx, u qal li Gvern Nazzjonalista jrid jimxi “pass pass” magħhom.

“Ma rridx infalli persuna waħda,” qal il-Kap tal-PN.

Huwa żied li l-impenn tiegħu lejn dawn in-nies “mhuwiex miktub fil-programm elettorali imma mnaqqax f’qalbi”.

“Nixtieq li persuni vulnerabbli, persuni b’diżabilità u dawk bi dħul baxx jgħixu b’dinjità,” qal Borg.

Matul id-diskors tiegħu, il-Kap tal-PN attakka wkoll lill-Gvern fuq dak li sejjaħ “l-użu tal-poter” waqt il-kampanja elettorali.

Borg semma ċ-ċekkijiet li ntbagħtu matul il-kampanja bħala eżempju ta’ dan, iżda talab lill-partitarji biex ma jweġbux b’għajjat jew booing.

“Tibbuwjawx,” qal lill-folla.

“Fit-30 ta’ Mejju oħorġu u vvutaw.”

Borg qal li fil-kamra tal-votazzjoni ħadd ma jista’ jgħid lill-votant kif għandu jivvota.

“L-ebda partit, kandidat jew min iħaddmek ma jista’ jgħidlek kif tivvota,” sostna Borg.

“Fil-kamra tal-vot tkun waħdek… waħdek mal-kuxjenza tiegħek.”

Il-Kap tal-PN qal li biss vot lill-Partit Nazzjonalista jista’ jsolvi “l-kaos” li, skont hu, ħoloq il-Gvern Laburista.

“Min ħoloq il-kaos ma jistax isolvi l-kaos,” qal Borg.

“Dan il-pajjiż għandu bżonn bidu ġdid.”

Borg akkuża wkoll lill-Gvern li tilef “is-sens ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin”.

Huwa semma lill-Prim Ministru Robert Abela u qal li dan ammetta li ltaqa’ ma’ kriminali u fuel smugglers.

“Gvern Nazzjonalista jara li kull ministru u s-sieħeb jew is-sieħba tiegħu jiddikjaraw l-assi tagħhom,” qal Borg, hekk kif ipprova jagħmel kuntrast bejn amministrazzjoni Nazzjonalista ġdida u l-Gvern Laburista attwali.

Wieħed mill-aktar mumenti emozzjonanti tal-lejla wasal meta Borg irringrazzja lill-familja tiegħu u indirizza lil missieru mejjet.

“Pa, nittama li għamiltok kburi bija,” qal Borg waqt li ħares lejn is-sema bid-dmugħ f’għajnejh.

“Kompli ħares fuqi biex inkompli naqdi lil Malta u Għawdex li tant inħobb.”

Bħalma għamel f’attivitajiet oħra tal-kampanja, Borg indirizza wkoll lil dawk in-Nazzjonalisti li fil-passat ħassewhom imweġġgħin b’deċiżjonijiet meħuda minn amministrazzjonijiet preċedenti tal-PN.

“Niskuża ruħi, anke jekk ma kontx hemm,” qal Borg.

“Illum għandna opportunità tad-deheb biex nivvutaw għall-bidla.”

Il-Kap tal-PN sostna li din hija “opportunità ta’ darba” biex il-pajjiż jiftaħ paġna ġdida.

Skont hu, il-“periti” ta’ dan il-kapitlu ġdid għandhom ikunu ż-żgħażagħ, l-anzjani, il-Maltin u l-Għawdxin “ta’ rieda tajba”.

 

More in Elezzjoni 2026