‘Nagħtu l-qasba u mhux il-ħuta’: Alex Borg iwiegħed ‘nifs ġdid’ għall-pajjiż waqt attività fir-Rabat

Alex Borg qal li Gvern Nazzjonalista jrid joħloq ekonomija li tagħti aktar indipendenza lin-negozji u lill-familji, hekk kif wiegħed tnaqqis fit-taxxi, investiment fis-saħħa u sistema moderna ta’ mass transport waqt attività politika fir-Rabat

Alex Borg waqt il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat fejn enfasizza l-bżonn ta’ “nifs ġdid” u aktar kwalità tal-ħajja għall-familji Maltin
Alex Borg waqt il-mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat fejn enfasizza l-bżonn ta’ “nifs ġdid” u aktar kwalità tal-ħajja għall-familji Maltin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li Gvern immexxi mill-PN irid “jagħti l-qasba u mhux il-ħuta” lill-familji u lin-negozji, hekk kif indirizza attività politika fir-Rabat iffukata fuq il-kwalità tal-ħajja, il-mobilità u l-ekonomija. 

Borg kompla fuq il-linja li adotta fid-dibattitu tal-mexxejja ta’ aktar kmieni matul il-ġurnata u sostna li l-proposti ekonomiċi tal-PN huma maħsuba biex jiggwidaw lin-negozji u joħolqu aktar indipendenza ekonomika, aktar milli dipendenza fuq il-Gvern.

Tul id-diskors tiegħu, Borg qal li ħafna nies illum qed iħossuhom aktar taħt pressjoni minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-aħħar snin.

“In-nies qed jaħdmu aktar… imma qed jgħixu agħar,” qal Borg, hekk kif sostna li l-politika trid terġa’ tqiegħed “lin-nies fiċ-ċentru” u mhux il-propaganda jew “l-interessi tal-ftit”. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-middle class qed tħoss li qed tiġi mgħaffġa mill-għoli tal-ħajja, filwaqt li ħafna familji qed jispiċċaw jistaqsu kif se jaslu sal-aħħar tax-xahar minkejja li jaħdmu ġurnata sħiħa.

Fost il-miżuri ekonomiċi mħabbra, Borg wiegħed tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema u self-employed kif ukoll it-tneħħija tat-taxxa fuq il-COLA.

Huwa qal li l-COLA għandha tkun għajnuna għall-familji u mhux mezz biex il-Gvern jiġbor aktar flus mingħand il-ħaddiema. “Il-flus li taqla’ bix-xogħol tiegħek għandhom jibqgħu għandek u għand il-familja tiegħek,” sostna Borg. 

Dwar il-familja u s-suċċessjoni, Borg qal li ħafna ġenituri jqattgħu ħajjithom jibnu dar jew negozju biex iħallu futur aħjar lil uliedhom, u għalhekk wiegħed li Gvern Nazzjonalista jneħħi t-taxxa tas-suċċessjoni u taxxi relatati ma’ donazzjonijiet ta’ proprjetà. 

Il-kontijiet tad-dawl u l-enerġija kienu wkoll fost it-temi ewlenin tad-diskors, b’Borg jgħid li ħafna familji llum “jibżgħu jiftħu l-kont tad-dawl”.

Huwa wiegħed tnaqqis ta’ 30% fil-kontijiet tad-dawl u t-tneħħija tal-kera tal-arloġġ, filwaqt li qal li se tingħata aktar għajnuna lill-bdiewa, sajjieda, raħħala u għaqdiet volontarji. 

Is-saħħa kienet ukoll fuq nett tal-aġenda, b’Borg jgħid li meta persuna timrad “tinsa’ kollox” u tibqa’ tħares biss lejn jekk is-sistema tas-saħħa taħdimx.

Huwa semma l-waiting lists, il-pressjoni fuq Mater Dei u n-nuqqas ta’ sodod bħala problemi li qed joħolqu ansjetà fost il-familji.

Fost il-proposti tiegħu, Borg semma investiment f’erba’ sptarijiet, fosthom estensjoni tal-Paola Hub għal sptar ta’ 250 sodda, sptar ġdid fit-Tramuntana, investiment f’Mater Dei, sptar ġdid f’Għawdex u National Health Park f’Selmun. 

Dwar iż-żgħażagħ u l-housing, Borg qal li ħafna żgħażagħ qed iħossu li l-ħolma tal-ewwel dar qed taħrabilhom minn idejhom.

Huwa wiegħed refund ta’ 50% tal-imgħax fuq self tal-ewwel dar għal għaxar snin, b’għajnuna li tista’ tilħaq sa €390 fix-xahar lura.

“Mhux kulħadd għandu ġenituri sinjuri jew min jgħinu,” qal Borg, filwaqt li sostna li l-Gvern għandu jkun “fuq in-naħa taż-żgħażagħ”. 

Fil-qasam edukattiv, Borg wiegħed skola ġdida kull sena u żieda ta’ 25% fl-istipendji, filwaqt li qal li l-edukazzjoni għandha titqies bħala investiment dirett fil-futur tal-pajjiż. 

Dwar il-mobilità u t-traffiku, Borg qal li eluf ta’ persuni qed jitilfu sigħat twal minn ħajjithom fit-traffiku, ħin li skont hu qed jinsterqilhom mill-familji u mill-ħajja personali tagħhom.

Huwa reġa’ ddefenda l-proposta tal-PN għal sistema moderna ta’ mass transportation u qal li din mhijiex “proġett tal-politikanti” iżda mezz biex jingħata lura l-ħin lin-nies. 

Filwaqt li attakka lill-Partit Laburista, Borg qal li hemm kontradizzjonijiet fil-proposti tal-Gvern dwar it-trasport.

“Ma rridux nagħtuk flus biex iċċedi l-liċenzja u mbagħad f’wegħda oħra nagħtuk flus biex tixtri karozza akbar,” qal Borg b’referenza għal miżuri elettorali tal-PL.

Huwa sostna wkoll li l-proposta tal-PN dwar il-mass transport hija waħda “ikkostjata u dettaljata”, filwaqt li qal li l-proposta tal-Gvern “lanqas biss ġiet iffirmata” mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana.

Dwar Għawdex, Borg qal li taħt tmexxija tiegħu “l-Għawdxin mhux se jibqgħu fit-tieni post”.

Huwa wiegħed vapuri ġodda, aktar servizzi tal-fast ferry u trasport aktar effiċjenti bejn Malta u Għawdex, filwaqt li sostna li Għawdex għandu jitqies bħala parti essenzjali mill-futur tal-pajjiż. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li ħafna nies qed iħossu li Malta qed tinbidel “wisq malajr” u sostna li l-pajjiż għandu bżonn infrastruttura u servizzi li jlaħħqu mar-realtajiet ġodda.

Huwa qal li l-PN irid ekonomija “li toħloq valur u mhux volum”, filwaqt li żied jgħid li “Malta mhijiex biss post fuq il-mappa… Malta hija darna”. 

Borg wiegħed ukoll żieda minima ta’ €650 fis-sena fil-pensjoni u family doctor b’xejn fid-djar għall-anzjani, filwaqt li qal li d-dinjità tal-anzjani għandha titqies bħala dritt u mhux favur. 

Fuq l-ambjent, Borg qal li “l-poplu għajjien bil-konkos u bl-istorbju” u wiegħed aktar spazji miftuħa u ġonna f’kull lokalità.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, Borg qal li l-pajjiż jinsab fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali u appella lill-partitarji biex jikkonvinċu lil oħrajn jivvutaw għall-PN.

Huwa qal ukoll li kien għadu qed jistenna risposta dwar jekk Robert Abela kienx se jaċċetta jieħu sehem f’dibattitu ieħor aktar tard matul il-ġurnata. 

Borg temm b’appell lill-partitarji biex “jerġgħu jemmnu” li l-bidla hija possibbli u sostna li “l-poplu jrid jinstema’, il-poplu jrid tama ġdida u l-poplu jrid nifs ġdid”. 

More in Elezzjoni 2026