ARA| Abela u Borg jaffaċċjaw lil xulxin għal darb’oħra f’dibattitu tal-Kamra tal-Kummerċ

Iż-żewġ mexxejja politiċi skambjaw kritika u difiża dwar l-ekonomija, l-enerġija, il-ħaddiema barranin u l-futur ta’ Malta waqt dibattitu organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, fejn ħarġu ċari żewġ viżjonijiet differenti għall-pajjiż

Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ikkonfrontaw lil xulxin waqt dibattitu organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, fejn iż-żewġ mexxejja ġew mistoqsija dwar il-proposti ekonomiċi tagħhom, il-ħaddiema barranin, is-saħħa, l-enerġija u l-kriżi tat-traffiku li qed taffaċċja Malta. 

Id-dibattitu kien immoderat minn Rachel Bondi Attard, filwaqt li l-President tal-Kamra tal-Kummerċ William Spiteri Bailey qal fil-ftuħ li Malta tinsab f’mument kruċjali fejn il-pajjiż ma jistax jibqa’ jiddependi fuq mudell mibni fuq “soluzzjonijiet għal żmien qasir”. Huwa sostna li l-leġiżlatura li jmiss trid tkun waħda ta’ tranżizzjoni u ppjanar fit-tul. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli qalet li l-Kamra ressqet 144 proposta li huma bbażati fuq viżjoni sostenibbli għall-pajjiż u mhux fuq miżuri temporanji marbuta mal-elezzjoni. Hija insistiet li kull partit għandu jħares lil hinn mir-rebħa elettorali u jiffoka fuq dak li hu realistiku u fattibbli għall-futur tal-pajjiż. 

Waħda mill-ewwel mistoqsijiet indirizzati liż-żewġ mexxejja kienet dwar kif il-partiti se jiffinanzjaw il-wegħdi elettorali tagħhom. Robert Abela qal li l-manifest tal-Partit Laburista jiswa madwar €6.3 biljun mifruxa fuq ħames snin, iżda sostna li dawn il-miżuri jistgħu jiġu sostnuti permezz tat-tkabbir ekonomiku li Malta rreġistrat matul dawn l-aħħar snin. Huwa rrimarka li d-dħul tal-pajjiż tela’ minn inqas minn €5 biljun fl-2019 għal aktar minn €8 biljun fl-2025. Abela qal ukoll li Gvern Laburista mhux se jgħolli t-taxxi u sostna li Malta rnexxielha żżomm id-dejn taħt kontroll minkejja l-isfidi internazzjonali. 

Meta ġie mistoqsi dwar ir-riskju ta’ instabbiltà ekonomika minħabba s-sitwazzjoni internazzjonali, Abela qal li d-differenza bejn il-Gvern Laburista u pajjiżi oħra kienet li Malta għażlet li ma tgħollix il-prezzijiet tal-fjuwil u kompliet tappoġġja lin-nies u lin-negozji. Huwa sostna li l-Gvern se jkompli bl-istess politika ekonomika anke fis-snin li ġejjin. 

Min-naħa tiegħu, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qed jibni l-proposti tiegħu fuq niċeċ ekonomiċi ġodda u fuq setturi li diġà huma importanti għall-ekonomija Maltija, fosthom il-gaming, l-avjazzjoni u s-settur marittimu. Huwa semma wkoll il-proposta tal-offshore fuel hub bħala investiment li jista’ joħloq sors ġdid ta’ dħul għall-pajjiż. Borg qal li l-PN qed jiffoka fuq kif il-pajjiż jista’ jiġġenera aktar flus qabel ma jwiegħed tnaqqis fit-taxxi u miżuri oħra. 

Id-dejn nazzjonali u n-nefqa pubblika kienu wkoll suġġett ta’ diskussjoni. Borg sostna li Malta għandha bżonn pjan fit-tul biex tkun taf kemm il-pajjiż jista’ jiflaħ ekonomikament, filwaqt li kkritika lill-Gvern dwar il-politika tal-migrazzjoni u qal li din swiet ħafna lin-negozji. Huwa qal ukoll li PN fil-Gvern joħloq awtorità indipendenti u “national capacity plan” sabiex il-pajjiż jifhem aħjar il-limiti tiegħu. 

Il-kwistjoni tal-ħaddiema barranin u s-“super bonus” kienet fost l-aktar temi li qajmu dibattitu. Mistoqsi għaliex il-bonus mhux se jingħata lill-ħaddiema barranin, Abela qal li Malta għandha bżonn sistema tax-xogħol aktar regolata u sostna li dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw prijorità lil dawk li taw kontribut lill-pajjiż. Huwa qal ukoll li persuna trid tkun ilha tgħix Malta għal mill-inqas ħames snin biex tkun eliġibbli għall-miżura proposta mill-Partit Laburista. 

Borg, min-naħa tiegħu, qal li l-Partit Nazzjonalista jrid inaqqas id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin billi jinvesti aktar fit-taħriġ tal-Maltin. Huwa semma proposti fosthom stipendji ogħla għal studenti li jagħżlu suġġetti relatati mas-saħħa u tax breaks għal dawk li jidħlu jaħdmu fis-settur mediku. Madankollu, huwa ammetta li Malta xorta se tibqa’ teħtieġ ħaddiema barranin għal ċertu żmien sakemm aktar Maltin jidħlu fis-suq tax-xogħol. 

Il-parental leave trasferibbli kien ukoll diskuss waqt id-dibattitu. Abela ċaħad il-kritika li l-miżura tista’ tpoġġi piż akbar fuq in-nisa u qal li d-deċiżjoni dwar kif jinqasam il-leave għandha tibqa’ f’idejn il-familji. Huwa sostna li miżuri favur il-familja jistgħu jwasslu għal aktar produttività fuq il-post tax-xogħol u qal li l-Gvern irid ikompli jnaqqas il-gender pay gap. 

Dwar is-saħħa, Borg ddefenda l-proposti tal-PN biex jinbnew sptar ġdid fit-Tramuntana, ieħor f’Għawdex u estensjonijiet ta’ sptarijiet oħra. Huwa qal li investiment fis-saħħa “qatt mhu ħela” u sostna li l-PN għandu pjan fuq terminu qasir, medju u fit-tul biex jiżdied in-numru ta’ professjonisti fis-settur. Huwa rrefera wkoll għall-bini ta’ Mater Dei u SAMOC taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, filwaqt li kkritika lill-Gvern Laburista dwar il-każ tal-Vitals. 

Il-produttività u l-użu tat-teknoloġija kienu wkoll diskussi waqt id-dibattitu. Abela sostna li Malta trid tkompli tinvesti fir-robotika, id-diġitalizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali biex ittejjeb il-produttività tagħha, filwaqt li Borg qal li Malta ma tistax tibqa’ lura fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u l-investiment fis-solar panels. 

Fuq il-kontijiet tad-dawl, Borg qal li PN fil-Gvern inaqqas il-kontijiet b’medja ta’ 30% għall-familji. Meta ġie mistoqsi għaliex il-miżura ma tinkludix direttament lin-negozji, huwa wieġeb li n-negozjanti wkoll għandhom familji u għalhekk xorta se jibbenefikaw indirettament minn dawn it-tnaqqisiet. Huwa sostna wkoll li Malta ma tistax tibqa’ fost l-aħħar pajjiżi fl-Ewropa fejn tidħol l-enerġija rinnovabbli. 

It-traffiku kien ukoll wieħed mis-suġġetti ewlenin tad-dibattitu. Borg reġa’ ddefenda l-proposta tal-metro tal-Partit Nazzjonalista u qal li l-PN qed iwiegħed implimentazzjoni fuq ħames snin, filwaqt li kkritika lill-Gvern għan-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-pjanijiet tiegħu. Min-naħa tiegħu, Abela qal li l-Gvern jemmen fil-politika tal-inċentivi aktar milli fil-“kastig” u semma diversi investimenti fl-infrastruttura tat-toroq, fosthom il-proġett Central Link. Huwa ammetta li t-traffiku għadu sfida iżda sostna li sar ħafna investiment biex titjieb is-sitwazzjoni. 

Fuq it-turiżmu, Borg qal li Malta trid timxi minn mudell ibbażat fuq il-kwantità għal wieħed iffukat fuq il-kwalità. Huwa sostna li hemm bżonn aktar investiment biex jitjiebu l-irħula u l-ambjent urban, filwaqt li semma wkoll il-proposta tal-PN biex il-VAT fuq ir-ristoranti titnaqqas b’mod permanenti.

Mistoqsijiet mill-udjenza

Waqt parti oħra tad-dibattitu, il-mistoqsijiet bdew jaslu direttament mill-udjenza, b’diversi rappreżentanti tan-negozji u professjonisti jqajmu tħassib dwar il-futur tas-suq tax-xogħol, l-irwol ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea u kemm il-pajjiż huwa ppreparat għall-isfidi ekonomiċi u klimatiċi tas-snin li ġejjin.

Rueben Buttigieg mill-Kamra tal-Kummerċ qal li filwaqt li huwa pożittiv li ż-żewġ partiti qed jagħtu importanza lill-Intelliġenza Artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni, għad hemm dubji dwar kif miżuri bħal remote working, compressed week u arranġamenti oħra jistgħu jħallu impatt fuq il-produttività u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Huwa rrimarka li Malta għadha tiddependi ħafna fuq ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati u staqsa kif iż-żewġ partiti se jevitaw nuqqas akbar ta’ ħaddiema jekk jitnaqqsu s-sigħat tax-xogħol.

Bi tweġiba, Robert Abela qal li l-futur tax-xogħol għandu jkun mibni fuq aktar investiment fit-teknoloġija, diġitalizzazzjoni u sistemi ta’ xogħol aktar flessibbli li jtejbu kemm il-produttività kif ukoll il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema. Huwa sostna li ċerti mudelli relatati ma’ flexible working diġà qed jitħaddmu fis-servizz pubbliku u ċċara li l-Gvern qed jiddiskuti compressed week aktar milli four-day week.

Alex Borg qal li qabel jiġu introdotti sistemi ġodda ta’ xogħol hemm bżonn analiżi serja dwar l-effett tagħhom fuq l-ekonomija u s-suq tax-xogħol. Huwa sostna wkoll li Malta trid tkompli tinvesti fit-taħriġ, fil-ħiliet u fl-edukazzjoni teknika biex tonqos id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin.

Intervent ieħor mill-udjenza ffoka fuq il-pożizzjoni ta’ Malta fi ħdan l-Unjoni Ewropea, speċjalment fid-dawl tad-diskussjonijiet dejjem jiżdiedu dwar aktar integrazzjoni Ewropea u federalism pragmatiku.

Il-mistoqsija kienet indirizzata lejn kif Malta tista’ tipproteġi l-interessi tagħha bħala stat żgħir u newtrali f’Unjoni Ewropea li qed tinbidel.

Abela qal li Malta dejjem żammet pożizzjoni ċara fil-Kunsill Ewropew fuq kwistjonijiet relatati mat-taxxa u l-fiscal rules, li ddeskrivihom bħala kruċjali għas-sovranità tal-pajjiż. Huwa sostna li Malta rnexxielha tibqa’ kompetittiva fl-Ewropa u qal li l-Gvern mhux se jċedi fuq kwistjonijiet li jolqtu direttament l-interess nazzjonali.

Min-naħa tiegħu, Borg qal li Malta għandha tkompli ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea u tibqa’ tattira aktar fondi Ewropej. Huwa sostna li ħafna mill-progress li sar fil-pajjiż wara l-2004 kien possibbli grazzi għas-sħubija fl-UE u għall-investiment Ewropew.

Mistoqsija oħra ffukat fuq il-kriżi klimatika u l-instabbiltà ġeopolitika internazzjonali, b’mod partikolari kif dawn jistgħu jolqtu l-ekonomija Maltija fit-tul.

L-intervent staqsa x’miżuri qed jippjanaw iż-żewġ partiti biex isaħħu r-reżiljenza ekonomika ta’ Malta quddiem sfidi futuri relatati mal-climate action u l-ekonomija globali.

Abela qal li Malta trid tkompli tinvesti fl-enerġija, fit-teknoloġija u f’infrastruttura sostenibbli sabiex tibqa’ ekonomija reżiljenti. Huwa ddefenda wkoll il-proġetti relatati ma’ Hurd’s Bank u Arctic Metagaz u qal li dawn huma parti minn strateġija usa’ biex il-pajjiż iżomm sigurtà enerġetika u prezzijiet stabbli.

Borg, min-naħa tiegħu, qal li Malta trid tagħmel distinzjoni ċara bejn green fuels u fuels tradizzjonali u sostna li l-pajjiż għandu jimxi aktar lejn investiment sostenibbli u enerġija nadifa. Huwa żied jgħid li l-ambjent ma jistax jibqa’ jitqies bħala kwistjoni sekondarja fid-deċiżjonijiet ekonomiċi tal-pajjiż.

Messaġġi finali

Lejn tmiem id-dibattitu, Alex Borg qal li s-settur tan-negozju huwa ċ-ċavetta għall-ekonomija Maltija u sostna li pajjiż b’saħħtu ekonomikament għandu joħloq aktar opportunitajiet għall-operaturi privati aktar milli jiddependi fuq l-intervent tal-Gvern.

Huwa qal li l-proposti ekonomiċi tal-Partit Nazzjonalista huma mibnija fuq viżjoni fit-tul u fuq il-ħolqien ta’ oqsma ekonomiċi ġodda li jistgħu jagħmlu lil Malta aktar kompetittiva fis-snin li ġejjin.

Borg reġa’ tenna li l-PN għandu direzzjoni ċara għal fejn irid iwassal lill-pajjiż u sostna li wara snin twal ta’ amministrazzjoni Laburista, Malta għandha bżonn “enerġija ġdida” u bidla fid-direzzjoni.

“Wasal iż-żmien li l-pajjiż jieħu nifs ġdid,” qal Borg waqt l-aħħar kummenti tiegħu.

Fl-aħħar intervent tiegħu, Robert Abela rringrazzja lill-Kamra tal-Kummerċ u qal li sa minn meta sar Prim Ministru dejjem sabha bħala sieħba importanti fid-diskussjonijiet dwar l-ekonomija u l-isfidi tan-negozji.

Abela qal li t-tmexxija ekonomika tal-pajjiż kienet waħda ta’ ppjanar fit-tul u mhux “ġirja qasira”, filwaqt li sostna li l-Gvern seta’ jimplimenta diversi miżuri għax kellu finanzi pubbliċi b’saħħithom u ekonomija stabbli.

Huwa qal li din l-istabbiltà kienet kruċjali biex Malta tkun tista’ tgħaddi mill-pandemija tal-Covid-19 filwaqt li tkompli tappoġġja lill-familji u lin-negozji.

Il-Prim Ministru semma wkoll diversi investimenti barranin li saru fil-pajjiż, fosthom il-proġett ta’ ST Electronics li ġie inaugurat din il-ġimgħa, u qal li Malta rnexxielha tattira u tassigura investimenti importanti.

Abela rrefera wkoll għall-investiment tal-VANTEC u sostna li l-pajjiż għandu jkompli jibni fuq reputazzjoni ta’ kredibilità, stabbiltà u kompetenza ekonomika.

More in Elezzjoni 2026