ARA |“Dan huwa l-mument tagħkom biex terġgħu tivvutaw għall-bidla” – Alex Borg jindirizza mass meeting f’Tas-Sliema
Alex Borg qal li “s-saħħa tal-futur tal-pajjiż tinsab f’idejn il-poplu Malti u Għawdxi” hekk kif indirizza eluf ta’ partitarji f’mass meeting f’Tas-Sliema taħt it-tema “Nifs Ġdid”
minn Jaelle Borg
“Dan huwa l-mument tagħkom biex terġgħu tivvutaw għall-bidla.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt mass meeting f’Tas-Sliema indirizzat lil eluf ta’ partitarji taħt it-tema “Nifs Ġdid”.
Borg fetaħ id-diskors tiegħu billi sellem lil Robert Arrigo, Francis Zammit Dimech u Karl Gouder, li ddeskrivihom bħala persuni importanti għad-distrett, kif ukoll lil Ġorġ Borg Olivier, li sejjaħlu “missier l-indipendenza ta’ Malta”.
Il-Kap tal-PN qal li din l-elezzjoni mhijiex dwar “aħmar jew blu”, iżda dwar il-poplu Malti u Għawdxi, il-ġenituri, iż-żgħażagħ u l-familji li qal jinsabu mgħaffġa mill-pressjoni tal-ħajja, it-traffiku, l-istress u l-għoli tal-ħajja.
Borg qal li l-aħħar disa’ xhur minn meta sar Kap tal-PN kienu mibnija fuq fiduċja, xogħol u l-konvinzjoni li “Malta jistħoqqilha aħjar”.
Huwa sostna li l-PN kien “fost in-nies” matul dan iż-żmien kollu u mhux biss waqt il-kampanja elettorali, filwaqt li qal li l-partit sema’ t-tħassib tan-nies u biddel dan fi proposti konkreti u fattibbli.
Borg qal ukoll li l-Partit Laburista sejjaħ l-elezzjoni sena qabel iż-żmien u sostna li sal-lum għadha ma ngħatat l-ebda raġuni ċara għaliex ittieħdet dik id-deċiżjoni.
“Robert Abela ħaseb li se jaqbad lill-PN fuq sieq waħda, iżda sab partit preparat, determinat u mimli enerġija,” qal Borg.
Huwa appella wkoll lil dawk li tilfu l-fiduċja fil-politika biex jerġgħu jersqu ’l quddiem u qal li l-bidla tibda “fil-qlub tan-nies mimlija kuraġġ u determinazzjoni”.
F’mument ieħor tad-diskors tiegħu, Borg reġa’ skuża ruħu għan-nuqqasijiet li wettaq il-PN matul il-25 sena fil-Gvern.
“Għamilna ħafna ġid, imma ma konniex perfetti. Weġġajna n-nies ukoll, u niskuża ruħi f’isem sħabi,” qal il-Kap tal-PN.
Borg elenka diversi proposti ewlenin tal-programm elettorali tal-PN, fosthom wegħda ta’ tfaddil minimu ta’ €1,200 fis-sena għall-familji Maltin u Għawdxin permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa tad-dħul personali.
Huwa qal ukoll li taħt Gvern Nazzjonalista, il-COLA ma tibqax tiġi ntaxxata sabiex “dak li hu dovut lill-ħaddiema jitħallas kollu”.
Il-Kap tal-PN wiegħed ukoll li jneħħi kompletament it-taxxa fuq il-wirt u fuq donazzjonijiet ta’ proprjetà bejn membri tal-familja, li qal hija kwistjoni ta’ ġustizzja soċjali.
Dwar l-enerġija, Borg qal li kontijiet tad-dawl jonqsu b’medja ta’ 30% minn Jannar taħt Gvern Nazzjonalista, filwaqt li dan japplika wkoll għal persuni li jgħixu waħedhom u għall-bdiewa.
Huwa ħabbar ukoll pjan għal network ta’ erba’ sptarijiet madwar Malta u Għawdex, inkluż sptar ġdid fit-Tramuntana ta’ Malta, sptar ġdid f’Għawdex, aktar investiment f’Mater Dei u investiment biex jiġi sostitwit St Luke’s.
Borg qal li fl-ewwel 100 jum ta’ Gvern Nazzjonalista jiltaqa’ mal-MUMN biex jinnegozja pakkett finanzjarju ġdid għat-tobba, infermiera, qwiebel u ħaddiema fl-isptarijiet.
Huwa indirizza wkoll liż-żgħażagħ direttament, fejn qal li jħoss “responsabbiltà akbar” lejhom bħala l-ġenerazzjoni tal-futur.
Borg qal li ż-żgħażagħ għandhom ikunu jistgħu jistudjaw, jaħdmu, jixtru l-ewwel dar tagħhom u jibnu familja f’pajjiżhom stess.
Fost il-proposti msemmija kien hemm ukoll żieda ta’ 25% fl-istipendji mill-bidu tas-sena skolastika li jmiss, li qal tibda minn Ottubru mingħajr ma tistenna l-budget.
Dwar it-trasport, Borg qal li t-traffiku qed jiswa lill-pajjiż madwar €170 miljun fis-sena u sostna li Malta għandha waħda mill-ogħla rati ta’ mwiet relatati ma’ problemi respiratorji fl-Ewropa.
Huwa sostna li l-proġett tal-mass transport tal-PN għandu dettalji tekniċi, timelines ċari u finanzjament ikkonfermat, filwaqt li qal li Adrian Delia kien iffirma fuq il-budget tal-proġett.
Borg qal ukoll li l-ewwel linja ewlenija tal-proġett tkun lesta fl-ewwel ħames snin ta’ Gvern Nazzjonalista, u qabbel dan mal-“ħames snin oħra ta’ studji” li qal qed iwiegħed il-Labour.
Dwar il-popolazzjoni, Borg qal li l-Gvern Laburista kabbar il-popolazzjoni mingħajr pjan dwar l-impatt fuq it-toroq, l-isptarijiet, l-iskejjel u s-sigurtà nazzjonali.
Huwa qal li Gvern Nazzjonalista joħloq awtorità dedikata biex tmexxi l-popolazzjoni b’mod sostenibbli u tipproteġi l-identità ta’ Malta u Għawdex.
Fuq il-pensjonijiet, Borg wiegħed żieda ta’ mill-inqas €650 fis-sena u servizz b’xejn ta’ GP fid-djar tal-anzjani. Huwa qal ukoll li mediċini kontra l-kanċer ikunu kompletament b’xejn taħt Gvern Nazzjonalista.
Il-Kap tal-PN temm billi qal li Malta u Għawdex għandhom bżonn “nifs ġdid”.
“Waħdi ma nasalx. Waħedna ma naslux. Imma magħkom żgur naslu,” qal Borg. “Waslet is-siegħa tal-Maltin. Malta u Għawdex qed isejħulkom.”
Video is unavailable at this time.
