Interessanti jew strambi? Ħarsa lejn xi proposti mill-manifesti elettorali tal-partiti

Bejn metros “fantasija”, taxis issussidjati bl-AI u wegħdi ta’ kollox b’xejn, il-manifesti elettorali tal-partiti qed jitfgħu fuq il-mejda taħlita ta’ proposti serji, oħrajn kontroversjali u xi wħud li jħallu lil ħafna jistaqsu jekk humiex realistici jew sempliċement teatru elettorali 

Ġennew lil kulħadd ifajru l-proposti. Speċjalment il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista komplew jirrendu l-politika qisha xi rkant. Iroxxu l-proposti, anzi l-għotjiet ’l hemm u ’l hawn qishom għandhom salt nies mejtin bil-ġuħ qed jistennew il-manna taqa’ mis-sema quddiemhom.  

Kemm bis-serjetà, imma anke b’doża ċajtiera se nħarsu lejn il-manifesti tal-PL, PN, tal-Ħodor ADPD, u anke tal-Momentum. Għax l-ideat tajbin, il-proposti serji, u anke dawk naqra zoppi, strambi jew ġennati totali jiġu minn kullimkien. Se nibdew bit-trasport, għax is-suġġett jibqa’ fuq fomm kulħadd u nidħlu f’naqra dettall fuq is-suġġett. Imbagħad se naqbdu tal-ekonomija u l-famuż ‘settur ekonomiku ġdid’ li kulħadd isemmi. Fl-aħħar se nsemmu proposti strambi jew assurdi. Issa l-problema hija li jekk wieħed iqisx proposta tajba, interessanti jew ġennata totali jiddependi mill-perspettiva ta’ dak li jkun. Mitt bniedem mitt fehma. Ħuduha kif tridu, bis-serjetà jew biċ-ċajt, ħadd m’għandu għalfejn jieħu għalih. Din hija l-fehma tagħna.  

It-Trasport 

Id-diskussjoni dwar it-trasport spiċċat teatru ta’ wegħdi li fuq il-karta jidhru sbieħ imma ħafna drabi mhux realistiċi jew inkella agħar minn hekk mhux maħsuba sew. 

Partit Nazzjonalista: kastelli fl-arja 

Il-proposta tal-PN ta’ metrò ta’ 11.5km bi tmien stazzjonijiet lesta u kompluta f’ħames snin hija fantasija totali. Jistgħu mhux iġibu perit jgħid li possibbli għax ħarsa kemm lejn studji internazzjonali, kemm lejn il-letteratura fuq il-mobilità, u anke proġetti fi bliet oħra madwar id-dinja juru li għandek mill-inqas ħames snin ta’ pjanar dettaljat qabel biss jibda t-tħaffir. Forsi, forsi, fi ħmistax-il sena iva, imma linja waħda taqdi rotta waħda. Barra l-ispiża enormi għall-kostruzzjoni, u l-problemi kbar li jistgħu jinqalgħu waqt it-tħaffir tal-mini, għandek l-ispejjeż kbar ta’ manutenzjoni. Il-PN jgħidilna li kollox b’xejn se jkun. Biljetti? Le, żero. Għaliex qed jagħmlu din il-wegħda? Għax fuq il-karta sabiħa. Għax jistgħu jgħidu li f’wiċċ l-art mhuwa se jinbidel xejn, tibqa’ tmur u tipparkja fejn trid bil-karozza. Fil-verità jekk tibni metrò jew timbotta n-nies biex jużawha, inkella tkun armejt biljuni kbar ta’ flus għalxejn. Konġestjoni tat-traffiku tibqa’ u nibqgħu koppi. Il-perit li ta l-appoġġ tiegħu għall-fantasija tal-PN hu l-istess wieħed li ġie bl-idea ta’ metrò b’għoxrin stazzjon, tlieta minnhom f’Għawdex. In-numru enormi ta’ passiġġieri li għandek bżonn, l-ammonti enormi ta’ skart mit-tħaffir, l-ispiża astronomika – fuq dawn l-affarijiet xejn. Imma dan bis-serjetà? 

Partit Laburista: now you see it, now you don’t 

Ilhom ibiddlu. Mill-metrò fantasija ta’ Ian Borg, u issa l-idea forsi aktar fattibbli ta’ dik li qed isejħu sistema ibrida. Xi drabi taħt l-art, xi drabi ttir fl-ajru, xi drabi fil-livell tat-triq. Imma, ma jmurx imissu xi parking, jgħidulna li l-parking se jibqa’ l-istess tul ir-rotot kollha. Fantasija oħra, għax jekk jekk tmurx bil-karozza jew bit-trasport tal-massa ma tagħmilx xi differenza allura proġett ieħor fallut u ħela ta’ flus. Iridu jiddeċiedu. Fejn hemm rotot servuti bit-trasport tal-massa, dan għandu jkollu d-dritta u l-prijorità assoluta. Aqraw biċċa ktieb jaħasra. Fejn m’hemmx, offru alternattivi oħra, anke parkeġġ minn fejn wieħed jista’ mbagħad jagħmel konnessjoni mas-sistema tal-massa. Imma li tgħid li fit-toroq mhuwa se jinbidel xejn u mkien, isimgħuha ġejja, tiħdux għalikom, qed titmejlu bin-nies. Bħall-PN, nimmaġina li kollox b’xejn ukoll, li ma jmurx imut xi ħadd bil-ġuħ. 

 

Momentum: Xi ħadd ħabat rasu jaqaw? 

Tal-Momentum tħallik bla kliem. Sabu lil xi ħadd mingħalih li jifhem f’kollox u bellgħalhom ġennata li tmur kontra kull parir minn esperti fit-trasport u l-mobilità. Fil-fatt hemm min qed jiftaħar li dar il-partiti kollha u l-Momentum biss aċċettaw il-proposta tiegħu, jew aħjar belgħu l-lixka. Imbasta kollhom professuri u x’naf jien. 

Il-proposta prinċipali hija mijiet ta’ miljuni f’taxis issussidjati, li jaħdmu bl-AI, u li fi ftit snin lanqas sewwieq ma jkollhom. Fantasija bħal din għad irridu naraw. Għandek bżonn tal-anqas 250 taxi, għal kull 1000 persuna, dejjem jekk dawn iġorru erba’ passiġġieri. L-istess ammont ta’ passiġġieri joqogħdu f’madwar 15-il karozza tal-linja. Immaġinaw il-ġenn kbir fit-toroq. Immaġinaw id-diżastru fit-trasport pubbliku b’eluf ta’ persuni jippruvaw jużaw it-taxis f’daqqa minflok. Min isuq jibqa’ jsuq. L-oħrajn jippruvaw it-taxis kważi b’xejn. Immaġinaw madwar 200,000 passiġġier li jużaw tal-linja kuljum jitħajru jużaw it-taxi ta’ Cassola minn wara l-bieb tad-dar. 50,000 taxi jippruvaw ilaħħqu magħhom. U din li biex jimpressjonaw iżeffnu l-AI fin-nofs ħelwa wisq! Qisu l-AI xi bakketta maġika. Fi ftit kliem iridu sussidju massiċċ għall-operaturi privati għal sistema anqas effiċjenti minn sistema ta’ trasport pubbliku. Fl-istess ħin wara li jkunu webblu lil kulħadd b’taxi biċ-ċiċri jridu jżidu 300 karozza tal-linja oħra. Iddeċiedu! Skuża oħra biex kollox jibqa’ l-stess, jew saħansitra mmorru għall-agħar. Saħansitra qed idawru video fejn jisparixxu l-karozzi kollha minbarra waħda. Il-messaġġ ċar: int ibqa’ kif int, ħaddieħor ibiddel għemilu. Il-politika tal-egoiżmu. Xi ħadd għandu bżonn jerġa’ jmur l-Università u jistudja ftit. 

ADPD: bis-sens, imma mur ikkonvinċi lin-nies! 

L-aktar proposta bis-sens, anke għax mibnija fuq il-piramida tal-mobilità u anke fuq studji li diġà saru kemm f’Malta u anke barra. Il-manifest jgħid li hemm bżonn bidla fil-mentalità, u jsemmi bidliet li jistgħu jsiru pjuttost malajr, bħal toroq aktar sikuri biex aktar nies, x’aktarx żgħażagħ, jitħajru jużaw mezzi nodfa tat-trasport bħar roti elettriċi. Kumbinazzjoni l-Labour isemmu li jridu jżidu l-għotja għax-xiri tar-roti elettriċi. Il-Ħodor u l-Ħomor jistgħu jagħmlu ‘partnership’ fuq din! Il-flus tal-Ħomor u l-proġett tal-Ħodor. 

Is-sistema tat-trasport tal-massa li jsemmu ADPD hija l-Bus Rapid Transit. Jammettu li din ikollha bżonn prijorità assoluta fit-toroq. Qed jgħidu l-verità. Il-problema biex tikkonvinċi n-nies li jew ikun hemm bidla jew inkella nibqgħu koppi. Is-sistema diġà ġiet suġġerita mill-konsulenti Halcrow fl-2007. Ħarsa lejn l-esperjenza internazzjonali turi li l-BRT hija effettiva fi bliet b’popolazzjoni medja, u jekk issir nemmnu li tkun effettiva. 

Il-klassifika tagħna minn fattibbli sa ġennata totali hija: 1. ADPD; 2. PL; 3. PN u 4. Momentum. 

Proposti oħra 

L-Ekonomija 

Il-petrol station fil-baħar tal-PN 

Imma min daħħallu f’moħħu juża dik il-frażi lil Alex Borg? Filwaqt li l-partit ipprova jpinġi l-proposta bħala settur ekonomiku ġdid, in-negozju fil-fuels fossili mhu xejn ħlief … fossila. 95% tal-vapuri l-kbar jużaw il-famuż Heavy Fuel Oil. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se jkun hemm taxxi fuq it-tniġġis. Imbagħad noqogħdu neqirdu mal-Unjoni Ewropea qisu t-tort tagħhom li f’dinja fejn il-fuels fossili huma ntaxxati fl-għerf tagħna iddeċidejna li nibnu ‘settur ekonomiku ġdid’ fuqhom. Il-fuels nodfa li jsemmi l-PN għadhom ’il bogħod. Li nsew ukoll l-ispiża biex tiżdied is-sigurtà u d-difiża tal-impjant tal-fuel. Xi drone jonqosna! Bumm! 

Settur ieħor li jissemma huwa l-greentech. Il-PN jara s-settur greentech bħala settur li jista’ jesporta prodotti innovattivi. 

Il-logħob tal-azzard tal-Labour 

Is-settur ekonomiku ġdid tal-Labour huma l-prediction markets. Frażi li tfisser logħob tal-azzard naqra aktar sofistikat bl-użu tat-teknoloġija. Prediction markets huma swieq fejn in-nies jinnegozjaw fuq x’jaħsbu li se jiġri fil-futur. Essenzjalment, tixtri jew tbigħ shares relatati ma’ avveniment futuri, billi tipprova taqta’ min se jirbaħ elezzjoni, riżultat sportiv, liema ishma se jogħlew, u kull tip ta’ avveniment. Bażikament aktar gaming, aktar logħob tal-azzard bil-pulit. Imma possibbli dan huwa s-settur li rridu nkomplu norbtu kusna miegħu bħala pajjiż? Diġà kumpaniji tal-gaming qed inaqqsu n-nies għax ħafna proċessi qed isiru awtomatizzati. Dan biex ma nsemmux li kif jiġu malajr jistgħu jisparixxu malajr dawn it-tip ta’ kumpaniji. Li jridu huma taxxi baxxi ħafna u daqshekk. Il-manifest tal-PL isemmi l-greentech, imma biss fil-kuntest ta’ boroż ta’ studju. 

ADPD: Greentech u koperattivi 

Il-manifest isemmi s-settur Greentech, jiġifieri industriji bbażati fuq l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Jiġifieri prodotti, sistemi, jew kumpaniji li jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u t-tniġġis, jinħolqu sorsi nodfa ta’ enerġija, jew jitnaqqas l-iskart. Hemm ukoll servizzi fl-agrikoltura sostenibbli, trasport sostenibbli, u teknoloġiji oħra ħodor. L-infrastruttura hija biżżejjed biex tattira dawn it-tip ta’ kumpaniji? Biex inkunu għedna kollox, il-manifest isemmi setturi oħra inkluż il-koperattivi u anki l-industrija kreattiva. Żgur li s-settur Greentech huwa settur ekonomiku ġdid. Il-periklu hu li jkun hemm min jilbes il-mantell aħdar biex taparsi ‘ġdid’. 

Momentum: innovazzjoni u riċerka 

Il-manifest ta’ Momentum ma jsemmix settur speċifiku bħala ‘settur ekonomiku ġdid’. Hemm enfasi fuq l-innovazzjoi u r-riċerka. Proposta interessanti hija t-twaqqif ta’ Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka. Il-koperattivi jissemmew fuq fuq. Jissemma ħafna l-AI, anke l-bżonn li jiġi regolat sew. 

PL, PN u ADPD kollha jsemmu s-settur tal-greentech. Forsi ovvja li ADPD itih l-akbar importanza bħala settur ekonomiku ġdid. Sa ċertu punt anke l-Momentum jirreferi għas-settur indirettament. Ħasra iżda li s-setturi ekonomiċi ‘ġodda’ tal-PL u l-PN ma tantx huma innovattivi, anzi jiddependu fuq it-tniġġis u l-logħob tal-azzard. 

Stramberija Ħadra 

Se jkun hawn min jieħu għalih, imma l-leave biex toqgħod mal-qattus jew il-kelb, jew is-serp jew il-fenek meta jkunu ma jifilħux naqra żżejjed! Mhux tieħu mil-leave normali? Vera li l-pets isiru parti mill-familja, imma m’hemmx għalfejn ngħaġġbuha! Jew qed inkunu insensittivi? 

Stamberija Momentum 

Din tat-taxis bl-irħis tibqa’ l-aktar stramberija gravi. Fl-aħħar tal-manifest jissemmew il-Friends of the Earth li jikkampanjaw favur trasport sostenibbli. Ma nafux jekk jappoġġjawhiex din tat-taxis issussidjati! Hemm xi ħaġa oħra stramba, mhux għax jissemmew fil-manifest, imma għax totalment injorati. L-ugwaljanza msemmija fil-konfront tal-irġiel u n-nisa biss, ħaddieħor inviżibbli u ma jeżistiv. Sinjal ta’ partit konservattiv? Ma nafux.  

Stamberija Ħamra 

Fil-kapitlu dwar l-edukazzjoni jissemmew is-social robots jieħdu ħsieb lill-istudenti. U ajma! Din il-fissazzjoni li tridu ssemmu r-robots jaħdmu bl-AI biex timpressjonaw aqtgħuha ta! Dak jonqos issa, anqas kuntatt uman, anqas professjonisti biex inħallu f’idejn ir-robots. Triduhom sew it-tfal! 

Stramberija Blu 

Ma nistgħux ma nsemmux l-arloġġ biex jgħidlek kemm int f’saħħtek. Naqra gimmick hux? Kollox b’xejn mingħand il-gvern ħi! Fuq nota aktar serja, din tal-petrol station fil-baħar ta’ min jerġgħu jaħsbuha. Hemm min idur itawwal il-ħajja tal-industriji tal-fuels kemm jista’ jkun fit-tul. Minflok aħjar naraw kif insaħħu r-riċerka f’vapuri aktar u aktar nodfa! 

Żgur li se jkun hemm min jgħidilna li ħallejna bosta proposti interessanti barra. Iva, hekk hu. Bilfors, inkella niktbu ktieb sħiħ flok artiklu. Sta għalikom biex tfittxu u taqraw. Il-manifesti tal-PL, ADPD u Momentum issibuhom online bħala ktejjeb elettroniku. Tal-PN mifrux f’kapitli separati. Sa fejn nafu aħna m’hemmx ktejjeb wieħed sħiħ. Is-similaritajiet u d-differenzi interessanti u jixhdu r-ruħ ta’ kull partit. X’aktarx l-aktar manifest ideoloġiku huwa dak tal-ADPD. Tal-PL u tal-PL aktar katalgu ta’ offerti. Tal-Momentum diffiċli ssib linja ta’ ħsieb fih. Imma mitt bniedem, mitt fehma. Fl-aħħar mill-aħħar int trid tixtarr u tiddeċiedi.  

 

More in Elezzjoni 2026