L-Alternattiva Demokratika-Partit Demokratiku (ADPD) ikkundanna bil-qawwa l-aħħar episodji b'rabta mal-industrija tal-kostruzzjoni u appella sabiex jiġi kkontrollat l-iżvilupp bla rażan fil-pajjiż, hekk kif esprima s-solidarjeta' tiegħu mar-residenti ta' Pembroke fir-rigward tat-trasferiment ta' art verġni pubblika sabiex jinbnew faċilitajiet ġodda għal Valletta FC.
''F’temp ta’ xahar, tul kampanja elettorali, rajna l-impatt tal-iżvilupp fl-agħar tiegħu,'' sostna l-partit, hekk kif semma sensiela ta' episodji li juru l-pertinenza tal-problema tal-iżvilupp bla rażan.
Mario Mallia, deputat segretarju generali ta’ ADPD u kandidat ghall-elezzjoni ġenerali fuq it-2 u t-8 distretti, irrefera għall-approvazzjoni tal-bini massiċċ fil-buffer zone biswit il-Ġgantija, id-deċiżjoni li jinqerdu il-barracks storiċi fil-Forti Chambray sabiex tinbena lukanda, il-kollass tal-pedamenti ta’ bini massiċċ ieħor fin-Naxxar li wassal għall-evakwazzjoni tar-residenti tal-madwar, it-theddida ta’ żvilupp fuq medda ta’ art fin-Nigret, kif ukoll l-iżvilupp fuq medda tal-art enormi oħra f’Pembroke.
Marcus Lauri, kandidat fuq l-10 distrett, tenna li l-partit kien se jieħu sehem fil-protesta organizzata mill-Moviment Graffiti u grupp ta' residenti b'appoġġ għall-komunita’ ta’ Pembroke, biex tintwera solidarjetà mar-residenti li għal darb’ ohra, qed jiġu assedjati minn żvilupp massiċċ ieħor f'żona li diġa' għandha volum sinifikanti ta' żviluppi pendenti.
Lauri sostna li l-gvern qed ikun kontradittorju meta jgħid li jrid indiċi li jkejjel il-benesseri tal-popolazzjoni, jinvesti 700 miljun fi Project Green, u fl-istess nifs, ikompli jidfen art miftuħa u naturali. Huwa kompla jgħid li wara l-iżvilupp mostruż tad-DB, il-qerda ta’ Moynihan House u Dolphin House kif ukoll il-bini tal-ITS, flimkien ''mal-proġett mostruż'' ieħor li huwa propost sabiex isir minflok il-ġonna antiki ta’ Villa Rosa bl-imbuttatura tal-gvern, l-aħħar ħaga li kellhom bżonn ir-residenti huwa żvilupp ieħor fiż-żona. ''Dan juri l-insensittività ta’gvern bi prijoritajiet rashom ‘l isfel,'' sostna Lauri
Filwaqt li l-partit huwa tal-fehma li l-ħolqien ta’ faċilitajiet sportivi huwa ta’ gid, intqal li ''kien ovvju li ma sar l-ebda sforz biex jinstabu siti alternattivi fejn dawn jistgħu isiru.'' Lauri sostna li minflok, il-gvern rega’ dar ''ghas-soluzzjoni l-iktar facli li jordom iktar art verġni.''
Sadanittant, il-partit enfasuzza li se jibqa’ jinsisti sabiex jiġu riveduti il-pjanijiet lokali skaduti li jieħdu konsiderazzjoni tal-qagħda tal-użu tal-art fil-pajjiż illum u l-iżvilupp sproporzjonat u mhux sostenibbli tiegħu. Il-partit kompla jgħid li sakemm issir din ir-reviżjoni, għandu jiġi fis-seħħ immedjat moratorium fuq il-bini ta’ żvilupp massiċċ. Dan jagħti ċans biex il-pajjiż jippjana b’mod sostenibbli u meqjus.
APDP ikkonkluda jgħid li l-partit se jibqa' jesprimi solidarjeta’ mar-residenti ta’ Pembroke fl-isforzi tagħhom sabiex l-iżvilupp propost ma jsirx. ''Pajjiżna jixraqlu politika responsabbli u sostenibbli li tirrispetta id-drittijiet mhux biss tal-popolazzjoni tal-lum imma partikolarment id-dritt tat-tfal ta’ għada li jgawdu lil pajjiżhom,'' temmet tgħid l-istqarrija.