Roberta Metsola tħeġġeġ lin-nies sabiex joħorġu jivvutaw hekk kif tibda l-votazzjoni bikrija

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tgħid li d-deċiżjoni li se jieħu l-elettorat fit-30 ta’ Mejju se tiddetermina il-ħames snin li ġejjin ta’ Malta u lil hinn

Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista.
Ritratt: Il-Partit Nazzjonalista.

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola indirizzat attivita' politika tal-Partit Nazzjonalista fis-Swieqi fejn tkellmet dwar l-importanza li l-votanti joħorġu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Metsola ħadet l-opportunita' sabiex tirringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg talli reġa’ qanqal l-entużjażmu fi ħdan il-partit.

Hija enfasizzat li l-għażla li għandhom il-votanti fit-30 ta’ Mejju se tiddetermina l-ħames snin li ġejjin u lil hinn u li “kull vot se jagħti direzzjoni.”

Metsola tenniet xi wħud mill-proposti tal-partit sabiex jirranġaw xi wħud mill-iżjed problemi pertinenti fil-pajjiż, bħall-qtugħ tad-dawl fis-sajf, konġestjonijiet tat-traffiku, u nuqqas ta’ sigurtà.

“Malta teħtieġ parks mimlija siġar, mhux żrar u siment,” iċċajtat.

Hija insistiet li soluzzjonijiet bħal dawn huma tassew possibbli, u ħeġġet lin-nies sabiex ma jisimgħux lil dawk li jibqgħu jinsistu li mod aħjar ta' governanza huwa impossibbli.

“Il-politika mhix logħba tal-futbol bejnietna u bejniethom jew bejn blu u aħmar,” qalet Metsola lil dawk preżenti, “iżda mod kif poplu wieħed jista’ jfassal il-futur ta’ dan il-pajjiż.”

Hija nnutat li l-ewwel rawnd tal-votazzjoni jibda proprju llum għal dawk li se jivvutaw kmieni, u ħeġġet lin-nies sabiex jiftakru li l-voti tagħhom jiddeterminaw il-ħajja ta’ kuljum ta’ dak li jkun.

“Ħeġġeġ lil kull min taf sabiex iwettaq id-dmir ċiviku tiegħu li jagħżel fejn irid li dan il-pajjiż imur.”

More in Elezzjoni 2026